News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014
23/05/2014
Ħruġ ta’ Munita Numiżmatika - 100 Sena Anniversarju mill-Ewwel Gwerra Dinjija
Fit‑23 ta' Mejju 2014, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ munita tal‑fidda li tfakkar il‑mitt anniversarju mill‑bidu tal‑Ewwel Gwerra Dinjija. Il‑munita għandha valur nominali ta' €10. Il‑Bank ħareġ ukoll munita simili tar‑ram isfar b'valur nominali ta' €5.
Il‑muniti kienu maħduma fir‑Royal Belgian Mint. Il‑munita tal‑fidda hi maħduma f'0.925 fidda, tiżen 22.85 grammi u għandha dijametru ta' 37 mm. Il‑munita hi maħduma f'verżjoni proof u l‑istampar tagħha hu limitat għal 5,000 munita. Il‑muniti tar‑ram isfar ser ikunu fiċ‑ċirkolazzjoni u ser jinbiegħu fi stoċċijiet ta' 20 munita kull wieħed.
Il‑muniti ġew iddisinjati u mnaqqxa minn Noel Galea Bason. Il‑faċċata tal‑munita turi l‑emblema ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2014. Il‑faċċata ta' wara turi infermiera li qiegħda tikkura suldat ferut. Dan ifakkar l‑irwol umanitarju li kellha Malta matul l‑Ewwel Gwerra Dinjija b'27 sptar u kampijiet ta' konvalexxenza, fejn eluf ta' midruba fil‑gwerra ġew ikkurati. Il‑faċċata ta' wara tal‑munita turi wkoll suldat u peprina ħamra li hija s‑simbolu li jqanqal it‑tifkira tas‑suldati kollha li mietu fil‑gwerra. Din hija l‑ewwel darba li ntuża l‑kulur fuq munita Maltija.
Il‑muniti jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ġewwa l‑Belt Valletta, jew billi timtela l‑formola li tinsab fuq is‑sit tal‑Bank.
Għal iżjed informazzjoni, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email fuq mcdc@centralbankmalta.org jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.
Lura lejn l-Arkivju