News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

21/03/2014

Ħruġ tal-munita zecchino

Fil-25 ta' Marzu 2014, il‑Bank Ċentrali ta' Malta se joħroġ munita tad‑deheb li turi z‑zecchino. Il‑munita għandha valur nominali ta' €5.

Iz‑zecchino kienet munita tad‑deheb li nħadmet l‑ewwel darba f'Venezja fl‑1284, u ġabet l‑isem tagħha miz‑zekka Venezjana li kienet magħrufa bħala z‑'zecca'. Il‑munita, li kienet tiżen 3.5 grammi, kienet maħduma mid‑deheb kważi pur. Għal aktar minn 500 sena, id‑disinn tal‑munita ma nbidilx. Għalhekk kienet meqjusa bħala munita stabbli u aċċettata bħala mezz ta' ħlas. Minħabba f'hekk, ħafna pajjiżi, speċjalment dawk fil‑Mediterran, adottaw u ħarġu muniti tad‑deheb simili għaz‑zecchino Venezjan.

Il‑munita ġiet introdotta u maħduma f'Malta mill‑Ordni ta' San Ġwann. Normalment, naħa waħda kienet turi xbieha ta' San Ġwann, il‑qaddis patrun tal‑Ordni, li qed jagħti bandiera lill‑Gran Mastru li qiegħed għarkupptejh quddiemu; filwaqt li n‑naħa l‑oħra kienet turi l‑figura ta' Kristu bil-Vanġelu f'idejh.

Il‑munita numiżmatika tad‑deheb tal‑Bank kienet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u maħduma f'verżjoni proof. Il‑faċċata tal‑munita turi l‑emblema ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2014. Il‑faċċata ta' wara turi zecchino maħruġ minn Philippe Villiers de l'Isle Adam, l‑ewwel Gran Mastru tal-Ordni f'Malta.

Il‑munita hi maħduma f'0.999 deheb fir‑Royal Dutch Mint, tiżen nofs gramma u għandha dijametru ta' 11 mm. L‑istampar tagħha hu limitat għal 10,000 munita.

Il‑munita tista' tinxtara mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini ewlieni tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ġewwa l‑Belt Valletta, jew billi timtela l‑formola li tinsab fuq is‑sit tal‑Bank.

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq ( 356) 2550 6006/7/8.

zecchino munita tad-deheb

Lura lejn l-Arkivju