News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

12/02/2014

Ħruġ ta’ muniti numiżmatiċi taħt l-Europa Programme 2014 – “Kompożituri Ewropej” – Maestro Charles Camilleri

Fit‑12 ta' Frar 2014 il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ munita numiżmatika tad‑deheb u oħra tal‑fidda biex jitfakkar il‑kompożitur Malti, Charles Camilleri (1931‑2009), bħala parti mill‑Europa Programme 2014 bit‑tema "Kompożituri Ewropej". Il‑munita tad‑deheb għandha valur nominali ta' €50, filwaqt li l‑munita tal‑fidda għandha valur nominali ta' €10. Din il‑munita numiżmatika hija l‑ewwel prodott li ser jinħareġ mill‑Bank fil‑programm għall‑2014 dwar ħruġ ta' muniti.

Charles Camilleri twieled fis‑7 ta' Settembru 1931. Studja l‑mużika ta' età żgħira ħafna, u fl‑1947 kiteb l‑ewwel xogħol sinifikanti tiegħu bl‑isem "The Malta Suite". Din il‑kompożizzjoni hi eżempju ta' kif Camilleri inkorpora l‑għanja folkloristika u l‑mużika Maltija f'ħafna mix‑xogħlijiet tiegħu, u b'hekk ħoloq identità mużikali nazzjonali għal Malta. Hu għex barra minn Malta għal ħafna snin, kiteb u kkompona fl‑Awstralja, fir‑Renju Unit, fil‑Kanada u fl‑Istati Uniti, fejn ikkompona ħafna mix‑xogħlijiet tiegħu. Il‑mużika tiegħu, li ġiet ippubblikata internazzjonalment, tvarja minn mużika folkloristika tas‑snin bikrin tiegħu għal xogħlijiet astratti u moderni aktar tard fil‑karriera tiegħu. Camilleri miet fit‑3 ta' Jannar 2009 fl‑età ta' 77 sena.

Il‑muniti kienu maħduma fir‑Royal Dutch Mint u għandhom il‑marka tal‑logo Europa Star. Il‑faċċata tal‑muniti turi l‑emblema ta' Malta flimkien mas‑sena tal‑ħruġ, 2014. Il‑faċċata ta' wara turi xbieha ta' Charles Camilleri. Il‑muniti ġew iddisinjati u mnaqqxa mill‑artist Malti, Noel Galea Bason.

Il‑munita tal‑€10 hi maħduma f'0.925 fidda u tiżen 28.28 grammi, b'dijametru ta' 38.61 mm u b'limitu fl‑istampar ta' 5,000 munita. Il‑munita tal‑€50 hi maħduma f'0.916 deheb u tiżen 6.5 grammi, b'dijametru ta' 21 mm. In‑numru tal‑istampar totali għall‑munita tad‑deheb hu limitat għal 1,500 munita. Iż‑żewġ muniti huma maħduma fil‑verżjoni proof.

Il‑muniti jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ġewwa l‑Belt Valletta. Il‑muniti jistgħu jiġu ordnati wkoll billi timtela formola li tinsab fuq is‑sit tal‑Bank.

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq 356 2550 6006/7/8.

Maestro Charles Camilleri munita tal-fidda         Maestro Charles Camilleri munita tad-deheb

Lura lejn l-Arkivju