News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

10/04/2013

Impjegati tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jagħmlu xogħol volontarju fid-Dar Sagra Familja f’Ħaż-Żabbar

Is‑Sibt 23 ta' Marzu 2013, grupp ta' impjegati mill‑Bank Ċentrali ta' Malta pparteċipa f'inizjattiva ta' karità fid‑Dar Sagra Familja f'Ħaż‑Żabbar. Il‑voluntiera tal‑Bank għenu f'diversi xogħlijiet ta' renovazzjoni u f'xogħol manwali ieħor f'din id‑dar tat‑tfal li bħalissa tospita 13‑il tifel u tifla.

L‑inizjattiva kienet ikkoordinata mis‑Social Committee tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, b'kollaborazzjoni ma' Swor Denise tad‑Dar Sagra Familja. Aktar minn ħamsa u tletin impjegat u impjegata minn diversi dipartimenti u minn kull grad, iffurmaw timijiet  sabiex wettqu xogħol ta' tibjid u tikħil, u xogħol fil‑ġonna. Il‑kċina u l‑kmamar tal‑pranzu prinċipali kienu renovati, filwaqt li sar xogħol ta' tikħil u tibjid f'żewġt ikmamar tal‑banju. It‑timijiet irrinovaw ukoll il‑bibien interni u sebbħu l‑ġonna. Il‑materjali u aċċessorji oħra relatati użati f'din l‑inizjattiva kienu mogħtija mill‑Bank.

Bħala parti mill‑impenn soċjali tal‑Bank, l‑għan ta' din l‑inizjattiva kien li titjieb il‑kwalità tal‑ħajja fid‑Dar Sagra Familja. Il‑kontribut tad‑diversi timijiet kien imfaħħar ħafna minn Swor Denise, kif ukoll mill‑Gvernaturi tal‑Bank li apprezzaw l‑impenn ġeneruż tal‑impjegati tal‑Bank li kienu involuti. Il‑Gvernaturi affermaw ukoll l‑appoġġ kontinwu tal‑Bank għal inizjattivi bħal dawn.

Din l‑inizjattiva tal‑istaff tifforma parti mill‑programm integrali ta' responsabbiltà soċjali appoġġjat mill‑Bank Ċentrali ta' Malta, li jinkludi attivitajiet regolari ta' donazzjonijiet tad‑demm u donazzjonijiet lill‑istituzzjonijiet tal‑karità fost oħrajn.

Lura lejn l-Arkivju