News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

26/02/2013

Ħruġ ta’ muniti numiżmatiċi taħt l-Europa Programme 2013 bit-tema “Kittieba Ewropej” – Dun Karm Psaila

Fis‑26 ta' Frar 2013 il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ munita numiżmatika tad‑deheb u oħra tal‑fidda biex jitfakkar il‑poeta nazzjonali Malti, Dun Karm Psaila (1871‑1961), bħala parti mill‑Europa Programme 2013 bit‑tema "Kittieba Ewropej". Il‑munita tad‑deheb għandha valur nominali ta' €50, filwaqt li l‑munita tal‑fidda għandha valur nominali ta' €10. Din il‑munita numiżmatika hija l‑ewwel prodott li ser ikun maħruġ mill‑Bank fil‑programm għall‑2013 dwar ħruġ ta' muniti.

Dun Karm Psaila twieled f'Ħaż‑Żebbuġ, Malta, fit‑18 t'Ottubru tal‑1871. Fl‑1894 ġie ordnat qassis u ppubblika l‑ewwel kollezzjoni tiegħu ta' poeżiji fl‑1896. Dun Karm kiteb l‑ewwel poeżiji tiegħu bit‑Taljan, imma mill‑1912 'il quddiem beda jikteb bil‑Malti, biex b'hekk sar wieħed mill‑figuri ewlenin fil‑kitba tal‑letteratura Maltija u fil‑promozzjoni tal‑lingwa Maltija. Fl‑1921 Dun Karm kiteb il‑versi tal‑Innu Malti li hu l‑innu nazzjonali ta' Malta. Fl‑1945 l‑Università Rjali ta' Malta onoratu bil‑grad tad‑Dottorat fil‑Letteratura. Fl‑1956 inħatar Kmandant tal‑Ordni tal‑Imperu Ingliż (CBE) mir‑Reġina Eliżabetta II bħala rikonoxximent tal‑kontribut tiegħu lil‑letteratura Maltija. Dun Karm miet fit‑13 t'Ottubru 1961 fl‑età ta' 90 sena.

Il‑muniti ġew stampati fir‑Royal Dutch Mint u għandhom il‑marka tal‑logo Europa Star. Il‑faċċata tal‑muniti turi l‑emblema ta' Malta flimkien mas‑sena tal‑ħruġ, 2013. Il‑faċċata ta' wara turi xbieha ta' Dun Karm Psaila u l‑ewwel vers tal‑innu nazzjonali Malti. Il‑muniti ġew iddiżinjati u mnaqqxa mill‑artist Malti, Noel Galea Bason.

Il-munita tal-€10 hi maħduma f’0.925 fidda u tiżen 28.28 grammi, b’dijametru ta’ 38.61 mm u b’limitu fl-istampar ta’ 10,000 munita. Il-munita tal-€50 hi maħduma f’0.916 deheb u tiżen 6.5 grammi, b’dijametru ta’ 21 mm. In-numru tal-istampar totali għall-munita tad-deheb hu limitat għal 2,000 munita. Iż-żewġ muniti huma maħduma fil-verżjoni proof.

Il-muniti jistgħu jinxtraw mill-Malta Coins Distribution Centre fil-bini ewlieni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, jew billi timtela formola li tinstab fuq is-sit tal-Bank.

Għal iżjed informazzjoni, il-pubbliku hu ġentilment mitlub li jikkuntattja lill-Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq 356 2550 6006/7/8.

Dun Karm Psaila munita tal-fidda        Dun Karm Psaila munita tad-deheb

 

Lura lejn l-Arkivju