News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

26/07/2013

Ħruġ ta’ munita tad-deheb u oħra tal-fidda li juru l-Auberge de Provence

Fis‑26 ta' Lulju 2013, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ żewġ muniti numiżmatiċi, waħda tad‑deheb u oħra tal‑fidda, li juru l‑Auberge de Provence. Din ser tkun il‑ħames waħda mill‑programm ta' muniti maħruġa mill‑Bank dwar il‑Bereġ tal‑Kavallieri tal‑Ordni ta' San Ġwann. Il‑munita tad‑deheb għandha valur nominali ta' €15, filwaqt li l‑munita tal‑fidda għandha valur nominali ta' €10.

Il‑muniti kienu maħduma fir‑Royal Belgian Mint. Il‑faċċata tal‑muniti turi l‑emblema ta' Malta flimkien mas‑sena tal‑ħruġ, filwaqt li n‑naħa ta' wara turi l‑faċċata tal‑Auberge de Provence.

L‑Auberge de Provence nbniet fis‑snin sebgħin tas‑seklu sittax skont pjanta ddisinjata mill‑magħruf arkitett Malti Gerolamo Cassar. Lejn l‑aħħar tas‑seklu sbatax, l‑inġinier Franċiż Mederico Blondel irristruttura mill‑ġdid il‑Berġa billi għamlilha faċċata aktar elaborata. Fl‑ewwel snin tas‑seklu dsatax, wara t‑tluq tal‑Kavallieri u l‑wasla tal‑Ingliżi f'Malta, l‑Auberge de Provence kienet tintuża bħala residenza militari u aktar tard bħala lukanda. Fl‑1826, il‑parti ta' fuq tal‑Berġa ġiet mikrija lill‑Malta Union Club, li estenda l‑kera tiegħu għall‑bini kollu fl‑1903 u okkupah sal‑1955, meta l‑bini ġie trasferit lill‑Gvern biex jakkomoda l‑Mużew Nazzjonali Malti. Il‑Mużew Nazzjonali sar magħruf bħala l‑Mużew Nazzjonali tal‑Arkeoloġija fl‑1974 u għadu jokkupa dan il‑bini sal‑lum.

Il‑munita tal‑€15, li l‑istampar tagħha hu limitat għal 2,500 munita, hi maħduma f'0.999 deheb, tiżen 1.25 grammi u għandha dijametru ta' 14 mm. Il‑munita tal‑€10 hi maħduma f'0.925 fidda, tiżen 18.75 grammi u għandha dijametru ta' 33 mm. L‑istampar ta' din il‑munita hu limitat għal 5,000 munita. Iż‑żewġ muniti huma maħduma fil‑verżjoni proof u ġew iddisinjati u mnaqqxa mill‑artist Malti Noel Galea Bason.

Il-muniti jistgħu jinxtraw mill-Malta Coins Distribution Centrefil-bini prinċipali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, jew billi timtela formola li tinstab fuq is-sit tal-Bank.

Għal iżjed informazzjoni, il-pubbliku hu ġentilment mitlub li jikkuntattja lill-Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq 356 2550 6006/7/8.

Auberge de Provence munita tal-fidda          Auberge de Provence munita tad-deheb

Lura lejn l-Arkivju