Fl-2013, il-Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ munita numiżmatika ġdida li turi l-Auberge de Provence.
Il‑faċċata tal‑muniti turi l‑emblema ta' Malta flimkien mas‑sena tal‑ħruġ 2013. In‑naħa ta' wara turi l‑faċċata tal‑Auberge de Provence.
L‑Auberge de Provence nbniet fis‑snin sebgħin tas‑seklu sittax skont pjanta ddisinjata mill‑magħruf arkitett Malti Gerolamo Cassar. Lejn l‑aħħar tas‑seklu sbatax, l‑inġinier Franċiż Mederico Blondel irristruttura mill‑ġdid il‑Berġa billi għamlilha faċċata aktar elaborata. Fl‑ewwel snin tas‑seklu dsatax, wara t‑tluq tal‑Kavallieri u l‑wasla tal‑Ingliżi f'Malta, l‑Auberge de Provence kienet tintuża bħala residenza militari u aktar tard bħala lukanda. Fl‑1826, il‑parti ta' fuq tal‑Berġa ġiet mikrija lill‑Malta Union Club, li estenda l‑kera tiegħu għall‑bini kollu fl‑1903 u okkupah sal‑1955, meta l‑bini ġie trasferit lill‑Gvern biex jakkomoda l‑Mużew Nazzjonali Malti. Il‑Mużew Nazzjonali sar magħruf bħala l‑Mużew Nazzjonali tal‑Arkeoloġija fl‑1974 u għadu jokkupa dan il‑bini sal‑lum.
|