News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

23/08/2013

Ir-Rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għas-sena 2012

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta qed jippubblika fis‑sit elettroniku tiegħu l‑ħames edizzjoni annwali tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja għas‑sena 2012 u l‑ewwel xhur tal‑2013. Ir‑Rapport janalizza s‑sistema finanzjarja f'Malta waqt li jidentifika r‑riskji u l‑vulnerabbiltajiet potenzjali u l‑kapaċità tas‑sistema biex tiflaħ għall‑iskossi. Ir‑Rapport jiffoka l‑ewwel nett fuq istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom rwol sinifikanti fl‑ekonomija, li jissejħu core domestic banks. L‑iżviluppi relatati maż‑żewġ kategoriji l‑oħra ta' banek (non‑core banks u banek internazzjonali) u l‑bqija tas‑sistema finanzjarja huma analizzati separatament. Ir‑Rapport l‑ewwel jiddeskrivi l‑ambjent makroekonomiku u finanzjarju li fih operat is‑sistema finanzjarja matul il‑perjodu kopert. Imbagħad jeżamina l‑isfidi għall‑istabbiltà finanzjarja u kemm huma b'saħħithom il‑core domestic banks. Ir‑Rapport imbagħad janalizza l‑komponenti l‑oħra tas‑sistema finanzjarja u jikkonkludi b'valutazzjoni tar‑riskji identifikati u r‑rakkomandazzjonijiet rispettivi biex dawn ir‑riskji jiġu indirizzati. Ir‑Rapport fih ukoll artikolu separat dwar il‑Mekkaniżmu Superviżjorju Uniku tal‑UE.    

Kollox ma' kollox, ir‑Rapport jikkonkludi li matul l‑2012 is‑settur finanzjarju domestiku baqa' b'saħħtu, u kien sostnut minn tkabbir ekonomiku li, għalkemm modest, kien pożittiv. Madankollu, is‑settur baqa' jiffaċċja sfidi minn ambjent estern inċert, li kien ikkaratterizzat minn kundizzjonijiet fraġli fis‑swieq finanzjarji internazzjonali.

Il‑core domestic banks, li fil‑biċċa l‑kbira jiffinanzjaw ruħhom permezz ta' depożiti individwali (retail) lokali u jselfu lir‑residenti, baqgħu kkapitalizzati sew, likwidi ħafna u profitabbli. Il‑balance sheets tal‑core domestic banks kibru bi 3.5% matul l‑2012, u dan l‑iżjed bħala riżultat tat‑tkabbir fil‑portafolji tas‑self tagħhom. Bħalma ġara fis‑snin imgħoddija, is‑self għax‑xiri tad‑djar baqa' l‑attività ewlenija ta' kreditu, b'żieda ta' 6.8%.  Madankollu, is‑self għall‑konsum naqas b'1.2%, waqt li l‑kreditu lill‑kumpaniji naqas b'1.1%. Id‑depożiti tal‑klijenti, li żdiedu b'5.6% matul is‑sena, baqgħu s‑sors ewlieni tal‑finanzjament tal‑core domestic banks. B'riżultat ta' dan, il‑proporzjon bejn is‑self lill‑klijenti u d‑depożiti kien fil‑livell għoli ta' madwar 70%. Minħabba  likwidità abbundanti, il‑proporzjon tal‑likwidità, f'livell ta' 49.1%, baqa' ogħla sew mir‑rekwiżit minimu regolatorju ta' 30%, waqt li l‑core domestic banks għamlu użu relattivament limitat ta' finanzjament mill‑Eurosistema jew minn sorsi bl‑ingrossa (wholesale)oħra. L‑effetti kontaġjużi minn swieq finanzjarji fiż‑żona tal‑euro baqgħu limitati billi l‑core domestic banks komplew iċaqilqu l‑portafolji tal‑investimenti tagħhom favur titoli ta' kwalità ogħla. Fl‑2012 il‑profitti tal‑core domestic banks żdiedu b'iktar minn terz, u dan jirrifletti fluss stabbli ta' dħul mill‑operazzjonijiet tradizzjonali tan‑negozju bankarju tagħhom. Dan wassal għal proporzjon ogħla ta' qligħ fuq l‑equity, jiġifieri żieda fuq id‑19.5% tal‑2011 għal 23.9% fl‑2012. Il‑qligħ fuq l‑assi tjieb ukoll minn 1.3% fl‑2011 għal 1.6% fl‑2012.

Matul l‑2012, il‑core domestic banks baqgħu kkapitalizzati sew. Il‑capital adequacy ratio ta' dawn il‑banek żdied minn 13.5% fl‑2011 għal 14.3% fl‑2012, u kien ħafna ogħla mil‑limitu minimu ta' 8%, waqt li t‑Tier 1 capital ratio ukoll żdied minn 9.6% fl‑2011 għal 10.3% fl‑2012 u kien ukoll ħafna ogħla mill‑minimu regolatorju ta' 4%. 

Iż‑żewġ kategoriji l‑oħra ta' banek, jiġifieri n‑non core banks u l‑banek internazzjonali, li għandhom rabtiet limitati mal‑ekonomija domestika u mal‑bqija tas‑settur finanzjarju, żammew capital adequacy ratios għoljin. Dawn il‑banek ukoll baqgħu likwidi u profitabbli ħafna. Fl‑operazzjonijiet tagħhom komplew jiffokaw l‑iżjed fuq transazzjonijiet ma' persuni jew entitajiet mhux residenti f'Malta. Kemm in‑non‑core banks kif ukoll il‑banek internazzjonali rrappurtaw proporzjon ta' solvenza ferm ogħla mir‑rekwiżiti regolatorji, b'capital adequacy ratio ta' 29.1% u 102.7%, rispettivament. B'kollox, il‑proporzjon tal‑likwidità tagħhom baqa' wkoll ogħla sew mir‑rekwiżit minimu regolatorju, u kien ta' 82.4% għan‑non‑core banks u ta' 146.3% għall‑banek internazzjonali. Il‑profitabbiltà ta' dawn il‑banek baqgħet qawwija bi qligħ fuq l‑equity ta' 6.5% għan‑non‑core banks u ta' 3.6% għall‑banek internazzjonali. Fir‑rigward tas‑settur finanzjarju mhux bankarju, jiġifieri l‑kumpaniji tal‑assigurazzjoni u l‑fondi ta' investiment, il‑prestazzjoni tagħhom baqgħet b'saħħitha matul l‑2012.

Ir‑Rapport jiġbed l‑attenzjoni għar‑riskji u l‑perikli li jħabbat wiċċu magħhom is‑settur finanzjarju lokali. Dawn baqgħu ġeneralment stabbli, u ma feġġew ebda sfidi ġodda miż‑żmien tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja preċedenti u l‑Aġġornament tiegħu. Fir‑rigward tar‑riskju marbut mal‑kreditu, l‑iskopertura tal‑core banks għal setturi speċifiċi, partikolarment is‑settur tal‑kostruzzjoni u tal‑proprjetà, wasslet għal żieda ta' dan ir‑riskju kif rifless fiż‑żieda fil‑livell ta' self li ma jrendix, speċjalment fis‑settur tal‑kostruzzjoni u tal‑proprjetà. Madankollu, il‑livell ogħla ta' self li ma jrendix tnaqqas permezz ta' tisħiħ tal‑provvedimenti min‑naħa tal‑banek.

Il‑banek ġew imħeġġa biex ikomplu jissorveljaw il‑kotba tas‑self tagħhom, iżidu l‑provvedimenti u perjodikament jivvalutaw l‑affidabbiltà finanzjarja tal‑klijenti tagħhom, barra milli jkomplu japplikaw haircuts għolja, fuq proprjetà immobbli offruta bħala kollateral. Barra minn hekk, qabel l‑iskadenza għall‑konformità mar‑rekwiżiti regolatorji l‑ġodda, b'mod partikolari l‑Capital Requirements Directive (CRD IV/ CRR), il‑banek ġew imħeġġa biex ikomplu jsaħħu l‑pożizzjoni kapitali tagħhom permezz ta' livelli ogħla ta' qligħ miżmum.

Ir‑riskji li ġejjin mill‑balance sheets ta' oqsma oħra tas‑settur finanzjarju, jiġifieri l‑assigurazzjoni u l‑fondi ta' investiment, baqgħu ġeneralment baxxi u bla tibdil. Waqt li komplew iżommu relazzjoni mill‑qrib ma' core domestic banks, dawn ir‑rabtiet ftit ħolqu riskji għas‑sistema finanzjarja ġenerali.

Ir-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja jista’ jitniżżel minn www.centralbankmalta.org.

Lura lejn l-Arkivju