News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

27/12/2013

L-Aġġornament tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għall-2013

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta qed jippubblika fuq is‑sit elettroniku tiegħu l‑Aġġornament tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja li jkopri żviluppi li seħħew fl‑ewwel sitt xhur tal‑2013. L‑Aġġornament josserva li l‑kundizzjonijiet makrofinanzjarji esterni baqgħu ta' sfida, minkejja li hu mistenni titjib gradwali. Madankollu, ekonomija domestika b'saħħitha, sostnuta minn tkabbir ekonomiku pożittiv, tibqa' tappoġġja s‑sistema finanzjarja f'Malta. L‑analiżi fl‑Aġġornament tindika li ma ġewx identifikati riskji u theddid ġodda għall‑istabbiltà finanzjarja. Madankollu, il‑kwalità tal‑assi kompliet tiddeterjora u rriżultat f'żieda fir‑riskju ta' kreditu.

Matul l‑ewwel sitt xhur tal‑2013, il‑balance sheet tal‑core domestic banks naqset bi ftit minħabba tnaqqis fl‑espożizzjonijiet interbankarji, hekk kif komplew jiżdiedu d‑depożiti tal‑klijenti. Sadattant, il‑fluss ta' kreditu naqas marġinalment u dan irrifletta parzjalment il‑fatturi mmexxija mid‑domanda, imma wkoll l‑istandards ta' kreditu stretti għal ċerti setturi ekonomiċi. Il‑Banek domestiċi komplew iżommu livelli b'saħħithom ta' likwidità, u l‑profitti tagħhom ta' nofs is‑sena tjiebu fuq dawk ta' sena qabel. Dan ikkontribwixxa għal aktar tisħiħ tal‑proporzjonijiet ta' solvibilità, li baqgħu ferm ogħla minn dawk mitluba mil-liġi.

Il‑komponenti l‑oħra tas‑settur finanzjarju, jiġifieri n‑non‑core domestic banks, banek internazzjonali, kumpaniji tal‑assigurazzjoni u fondi ta' investiment komplew iżommu livelli b'saħħithom ta' kapital u likwidità matul l‑ewwel sitt xhur tas‑sena. Ir‑rabtiet tan‑non-core banks u tal-banek internazzjonali mal‑ekonomija lokali baqgħu limitati, minkejja d‑daqs relattivament kbir tal‑balance sheet tagħhom.

Ir‑riskju marbut mal-kreditu kompla jkun sors ta' vulnerabilità għas‑settur finanzjarju f'Malta minħabba li l‑core banks huma esposti għal ċerti setturi ekonomiċi, b'mod partikolari s‑settur tal‑kostruzzjoni u l‑proprjetà, li jiddependu b'mod estensiv fuq self meħud minn banek domestiċi u li komplew jesperjenzaw attività kummerċjali dgħajfa. Hekk kif matul l‑ewwel sitt xhur tas‑sena kompla jiżdied il‑livell tas‑self li ma jrendix, minkejja żieda fil‑provvedimenti għal telf fuq is‑self, il‑banek għadhom imħeġġa jiffokaw l‑isforzi tagħhom biex itaffu aktar l-espożizzjoni tagħhom għar-riskju marbut mal-kreditu.

L‑Aġġornament tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta www.centralbankmalta.org.

Lura lejn l-Arkivju