News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

26/11/2013

Ħruġ ta’ munita numiżmatika b’tifkira ta’ Sir Paul Boffa

Fit‑28 ta’ Novembru 2013, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ser joħroġ munita numiżmatika tal‑fidda sabiex jitfakkar Sir Paul Boffa, l‑ewwel Prim Ministru wara l‑gwerra. Il‑munita għandha valur nominali ta’ €10 u hija l‑aħħar prodott maħruġ mill‑Bank fil‑programm għall‑2013 dwar ħruġ ta’ muniti.

Il‑munita kienet stampata fir‑Royal Dutch Mint. Il-faċċata tal‑munita turi l‑emblema nazzjonali ta’ Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2013. Il-faċċata ta’ wara turi xbieha ta’ bust ta’ Sir Paul Boffa. Sir Paul Boffa, li kien tabib, serva bħala Prim Ministru ta’ Malta mill-4 ta’ Novembru 1947 sas-26 ta’ Settembru 1950.

Il‑munita hi maħduma f’0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta’ 38.61 millimetri. Il‑munita hi maħduma f’verżjoni proof u l‑istampar tagħha hu limitat għal 2,500 munita. Il-munita kienet iddisinjata u mnaqqxa mill-artist Malti Noel Galea Bason.

Il‑munita tista’ tinxtara mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini ewlieni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ġewwa l‑Belt Valletta, jew billi timtela l-formola li tinstab fuq is‑sit tal-Bank.

Flimkien mal‑ħruġ tal‑munita, il‑Mużew tal-Flus tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta ser itella’ wirja li, għal żmien temporanju, se tesebixxi dokumenti u memorabilia relatati ma’ Sir Paul Boffa. Il‑wirja se tkun miftuħa għall‑pubbliku mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa waqt il‑ħinijiet tal‑uffiċċju. Il-wirja tagħlaq fil-31 ta’ Diċembru 2013.

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq 356 2550 6006/7/8.

Sir Paul Boffa munita tal-fidda

Lura lejn l-Arkivju