Iż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet
Il-politika monetarja, li tkopri numru ta' miżuri li jinfluwenzaw il‑prezz u d‑disponibilità tas‑self, żviluppat f'ħafna pajjiżi bħala għodda importanti ħafna tal‑politika ekonomika. Orjentament monetarju strett, ġeneralment ikkaratterizzat minn rati ta' imgħax reali għolja, jiġi adottat biex tiġi kkontrollata l‑espansjoni monetarja u b'hekk titrażżan l‑inflazzjoni. Min‑naħa l‑oħra, orjentament ta' politika monetarja laxka hija kkaratterizzata minn rati ta' imgħax reali baxxi u disponibilità ikbar ta' self, li jgħinu aktar it‑tkabbir fl‑investiment u fl‑infiq. Qed jiġi rikonoxxut dejjem iżjed li għalkemm il‑politika monetarja tista' tkattar il‑produzzjoni u l‑impjiegi fuq żmien qasir, l‑effett fuq it‑tkabbir tal‑produzzjoni jew l‑impjiegi fuq żmien itwal hu kemxejn kajman. Għalhekk, ix‑xejra internazzjonali hija li l‑banek ċentrali jikkonċentraw fuq iż‑żamma tal‑istabbiltà tal‑prezzijiet.
B'konformità mat‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea u l‑Istatut tas‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), l‑għan ewlieni tal‑Bank Ċentrali ta' Malta hu ż‑żamma tal‑istabbiltà tal‑prezzijiet. Dan ġie ddefinit mill‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE bħala ż‑żamma tal‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro taħt, imma viċin, it‑2% fuq żmien medju. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jikkontribwixxi għad‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja tal‑Eurosistema bil‑parteċipazzjoni tal‑Gvernatur fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE.
Fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu, il-Bank Ċentrali ta' Malta jaħdem b'mod awtonomu u indipendenti, skont il-provvedimenti applikabbli tal-Komunità u tal-liġi Maltija. Il-Bank ifittex ukoll li jkun trasparenti u jagħti kont t'għemilu.
Iżjed tagħrif dwar l-implimentazzjoni u l-istrumenti tal-politika monetarja li l-Bank juża biex iwettaq l-ħidma tiegħu jinsab fit-taqsimiet dwar il-politika monetarja f'dan is-sit elettroniku.