Il-ħruġ ta’ flus
Sa mit‑twaqqif tiegħu fl‑1968, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħa f'idejh ir‑responsabbiltà għall‑ħruġ u l‑kontroll tal‑karti tal‑flus u tal‑muniti f'Malta. L‑ewwel serje tal‑karti tal‑flus Maltin kienet ħarġet mill‑Bank Ċentrali ta' Malta f'Settembru tal‑1969. Matul dawn is‑snin, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ diversi serje ta' karti tal‑flus, bl‑aħħar tkun il‑ħames waħda li ħarġet f'Settembru tal‑1989.
Fis‑16 ta' Mejju 1972, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ l‑ewwel serje tiegħu tal‑muniti deċimali. Qabel din id‑data, Malta kienet għadha tuża muniti Inġliżi. L‑ewwel muniti deċimali Maltin kienu jikkonsistu fil‑muniti tal‑50 ċenteżmu, tal‑10 ċenteżmi, tal‑5 ċenteżmi, taż‑2 ċenteżmi, taċ‑ċenteżmu, tal‑5 milleżmi, tat‑3 milleżmi u taż‑2 milleżmi. Maż‑żmien, ġew introdotti l‑munita tal‑25 ċenteżmu u l‑munita tal‑Lm1.
Bl‑introduzzjoni tal‑euro f'Malta fl‑1 ta' Jannar 2008, il‑Bank Ċentrali ta' Malta sar responsabbli mill‑ħruġ tal‑karti tal‑flus tal‑euro skont il‑prinċipji u r‑regoli stabbiliti fl‑Eurosistema. Bl‑approvazzjoni tal‑Eurosistema, il‑Bank joħroġ l‑karti tal‑flus tal‑euro f'Malta u huwa responsabbli sabiex jiżgura l‑kwalità u l‑awtentiċità tal‑karti tal‑flus fiċ‑ċirkolazzjoni. Il‑Bank għandu wkoll Counterfeit Surveillance Unit li jeżamina kull karta tal‑flus issuspettata falza.
Tingħata ħafna importanza biex jiġi żgurat li d‑denominazzjonijiet fiċ‑ċirkolazzjoni jirriflettu d‑domanda. Il‑karti tal‑flus li m'għadhomx tajba biex iduru fl‑idejn jitneħħew miċ‑ċirkolazzjoni regolarment, jinqerdu u jiġu sostitwiti b'karti tal‑flus ġodda.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta joħroġ ukoll il‑muniti tal‑euro f'Malta għan‑nom tal‑Gvern. Il‑volum tal‑muniti tal‑euro li jinħareġ irid jiġi approvat minn qabel mill‑Bank Ċentrali Ewropew skont l‑Artiklu 128 tat‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea.