Formulazzjoni u implimentazzjoni ta’ politika makroprudenzjali
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta, bħala l‑awtorità makroprudenzjali, hu responsabbli għall‑formulazzjoni u l‑implimentazzjoni ta' politika makroprudenzjali. Skont l‑artikolu 17A(1) tal‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Bank jista' joħroġ, jemenda jew jirrevoka direttivi relatati ma' strumenti u politika makroprudenzjali. L‑għan ewlieni ta' din il‑funzjoni hu li titnaqqas l‑akkumulazzjoni ta' riskji fis‑settur finanzjarju u li jitwaqqaf it‑tixrid ta' effetti negattivi fuq l‑ekonomija reali, biex b'hekk jittaffa r‑riskju sistemiku.
Skont l‑artikolu 17B tal‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Bord Konġunt dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja twaqqaf biex jiffaċilita l‑kooperazzjoni bejn il‑Bank u l‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta fil‑formulazzjoni u l‑implimentazzjoni ta' politika makroprudenzjali. Fit‑twettiq ta' din il‑funzjoni, il‑Bank jikkoopera wkoll mal‑Bord Ewropew dwar ir‑Riskju Sistemiku, mal‑Bank Ċentrali Ewropew u ma' awtoritajiet mikro/makroprudenzjali, nazzjonali jew internazzjonali oħra, kif ikun meħtieġ.