Il-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja
L‑istabbiltà finanzjarja hi funzjoni essenzjali tal‑banek ċentrali. Sistema finanzjarja b'saħħitha u stabbli tgħin fit‑tħaddim effiċjenti tal‑politika monetarja. Skont l‑artiklu 5 tal‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Bank Ċentrali ta' Malta hu responsabbli li jiżgura l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja. Fil‑qadi tal‑obbligi statutorji tiegħu f'dan ir‑rigward, il‑Bank Ċentrali ta' Malta għandu rwol ewlieni fiż‑żamma tal‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja domestika, waqt li jikkontribwixxi wkoll għal dik tal‑Eurosistema.
Skont l‑artiklu 17 tal‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Bank Ċentrali ta' Malta hu responsabbli wkoll biex jagħti għajnuna finanzjarja permezz tal‑funzjoni tiegħu bħala 'lender of last resort' (LOLR) sabiex jissalvagwardja l‑istabbiltà tas‑settur bankarju. Din il‑funzjoni normalment tiġi kkunsidrata f'ċirkostanzi eċċezzjonali meta jinħass li l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja tkun mhedda.