Mudell makroekonometriku
L-ekonomiji moderni huma kumplessi ferm, b'ħafna fatturi varjabbli u setturi differenti li huma interkonnessi. Mudell makroekonometriku hu deskrizzjoni simplifikata ta' din ir-realtà kumplessa. Id-deskrizzjoni tidentifika r-relazzjonijiet ekonomiċi ewlenin li jsostnu l-ekonomija, normalment abbażi kemm ta' teorija kif ukoll ta' data storika, u b'hekk isservi biex tgħin lill-ekonomisti u lil min ifassal il-politika biex jifhmu l-ħidma interna tal-ekonomija bażi.
Fl‑2012 u fl‑2013, il‑Bank fassal u ppubblika mudell makroekonometriku ġdid tal‑ekonomija Maltija, li mbagħad kompla jiġi rivedut regolarment u żviluppat. Il‑mudell iservi bħala strument biex isiru simulazzjonijiet li permezz tagħhom jiġi stmat l‑impatt potenzjali ta' diversi skossi ekonomiċi, biex jiġi ġġenerat tbassir makroekonomiku, biex jiġi eżaminat l‑impatt tal‑azzjonijiet tal‑politika, u biex inkunu nistgħu nifhmu aħjar kif tiffunzjona l‑ekonomija domestika. Għalkemm dan hu l‑mudell bażi tal‑Bank, hu biss wieħed mill‑istrumenti użati għall‑analiżi u t‑tbassir tal‑iżviluppi ekonomiċi.
Il-mudell, imsejjaħ STREAM (Mudell Ekonometriku Strutturali u Tradizzjonali għal Malta), hu mudell tradizzjonali mibni madwar is-sintesi neoklassika. Din tal-aħħar tafferma li fuq żmien twil, il-produzzjoni tiddependi mill-provvista. Madankollu, fuq żmien qasir, minħabba l-aġġustament letarġiku tal-kwantitajiet u l-prezzijiet, ikun hemm devjazzjonijiet minn dan l-ekwilibriju fuq żmien twil, u l-produzzjoni tiġi determinata mill-komponenti tad-domanda aggregata. Tbegħid minn produzzjoni fuq żmien twil jagħti bidu għal sekwenza ta' aġġustamenti tal-prezzijiet u l-pagi li gradwalment iġibu l‑mudell lura għall‑ekwilibriju tiegħu fuq żmien twil. Ekwazzjonijiet dwar l-imġiba huma ġeneralment ikkalkolati, aktar milli kkalibrati, u jieħdu forma ta' żball-korrezzjoni abbażi ta' data trimestrali li tibda mill-ewwel trimestru tas-sena 2000. Hu meqjus li l-aġenti ekonomiċi għandhom aspettattivi adattivi. In-novità ta' STREAM hi li fiha blokki fiskali u finanzjarji żviluppati għalkollox, fattur li mhuwiex komuni f'mudelli tradizzjonali bħal dawn. Minħabba kemm ir-rabtiet qawwija li dawn is-setturi jaqsmu mal-ekonomija aktar wiesgħa, kif ukoll l-influwenza sostanzjali li għandhom fuq xulxin, hu ideali li jiġu mmudellati fil-kuntest tal-istess qafas.
Il-mudellar ekonomiku hu proċess kontinwu. Il-mudelli għandhom jiġu riveduti regolarment biex jiġi żgurat li jibqgħu rappreżentazzjoni fidila ta' kif tiffunzjona l-ekonomija bażi u jistgħu jiġu żviluppati aktar biex jidentifikaw interkonnessjonijiet oħra fi ħdan l-ekonomija. B'dan il-ħsieb, il-mudell ġie rivedut u msaħħaħ b'mod regolari. Hawn taħt wieħed jista' jsib id-dokumentazzjoni tat-tielet verżjoni tal-mudell - l-aħħar verżjoni - flimkien mad-dokumentazzjoni dwar il-verżjonijiet preċedenti kollha. L-iżvilupp tal-mudell issa laħaq stadju avvanzat u għalhekk mhumiex previsti bidliet kbar fl-istruttura tiegħu fi żmien qasir. Madankollu, jista' jsir aktar irfinar, bħal pereżempju integrazzjoni mtejba tan‑naħa tal‑provvista, b'mod partikolari fir-rigward tas-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, il-mudell se jibqa' jiġi evalwat regolarment biex jiġi żgurat li jkun kapaċi jilħaq l-iskop aħħari tiegħu: li jservi bħala simplifikazzjoni affidabbli ta' kif tiffunzjona l‑ekonomija Maltija. Verżjonijiet aġġornati tal-mudell se jitqiegħdu fuq is-sit elettroniku tal-Bank meta jsiru disponibbli.
Verżjoni 3.0
It-tielet verżjoni tal-mudell tinkludi żewġ fatturi ewlenin ta' titjib meta mqabbla mal-verżjoni preċedenti: (i) ġiet estiża biex tinkludi blokk finanzjarju aktar dettaljat, u (ii) ġiet sottomessa għal valutazzjoni ġdida bl-użu ta' data interrelatata tal-ESA (Awtorità Superviżorja Ewropea) 2010, li tkopri sena addizzjonali.
Verżjoni 2.0
Meta mqabbla mal-verżjoni ta' qabel, it-tieni verżjoni tal-mudell tinkludi ħames avvanzi ewlenin: (i) blokka fiskali dettaljata, (ii) blokka finanzjarja iżjed eżawrjenti, (iii) rabtiet makrofinanzjarji mtejba, (iv) blokka tal‑prezzijiet li tirreaġixxi aktar għall‑attività ekonomika domestika, u (v) reviżjoni bl‑użu ta' sena addizzjonali ta' data.
Verżjoni 1.0