Analiżi ekonomika u riċerka
Il-Bank jagħmel analiżi ekonomika u riċerka biex jgħin il-partiċipazzjoni tal-Gvernatur fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Il-Bank jippubblika l-analiżi tiegħu f'żewġ pubblikazzjonijiet ewlenin, jiġifieri r-Rivista ta' Kull Tliet Xhur u r-Rapport Annwali. Ir-Rivista ta' Kull Tliet Xhur fiha rapporti dwar l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, xi artikli fuq temi ekonomiċi u monetarji, u statistika ekonomika u finanzjarja. Ir-Rivista jkun fiha wkoll ċerti stqarrijiet pubbliċi tal-Gvernatur. Mill-banda l-oħra, ir-Rapport Annwali fih rapporti fuq il-ħidma tal-Bank matul is-sena ta' qabel kif ukoll jinkludi r-rapport finanzjarju annwali tal-Bank. Fih ukoll analiżi lokali u internazzjonali tal-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji li seħħew matul is-sena ta' qabel.
Barra minn hekk, il-Bank joħroġ Aġġornament Ekonomiku kull xahar.
Il-Bank Ċentrali ta' Malta jagħmel ukoll tbassir dwar il-fatturi makroekonomiċi ewlenin tal-ekonomija Maltija permezz ta' mudell ekonometriku u ta' strumenti oħra. Dawn l-istimi jintużaw ukoll mill-Eurosistema għall-istimi tagħha. L‑istimi tal-Bank huma ppubblikati fir-Rivista ta' Kull Tliet Xhur u fir-Rapport Annwali, u jinsabu wkoll fuq is-sit elettroniku tal-Bank.