About Us

Att dwar il-Bank Ċentrali ta’ Malta

L‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta’ Malta (Kap. 204) ġie ppubblikat oriġinarjament permezz tal‑Att XXXI tal‑1967. Minn dak iż‑żmien, saru għadd ta’ emendi fl‑Att li affettwaw il‑Bank, il‑kompetenzi tiegħu, kif ukoll l‑organizzazzjoni tiegħu.

L‑Att hu mqassam kif ġej:

 

 

Artikoli

Taqsima I

Preliminari

1 ‑ 2

Taqsima II

Twaqqif u Tmexxija tax‑Xogħol ta’ Bank

3 ‑ 18

Taqsima III

Dispożizzjonijiet Finanzjarji

19 ‑ 22

Taqsima IV

Ġbir ta' Informazzjoni

23 ‑ 24

Taqsima V

Relazzjonijiet mal‑Gvern

25 ‑ 29

Taqsima VI

Relazzjonijiet ma’ Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u dawk Finanzjarji

30 ‑ 33

Taqsima VII

Sistemi ta’ Pagament

34 ‑ 35

Taqsima VIII

Relazzjonijiet mal‑Awtorità Kompetenti

36 ‑ 38

Taqsima IX

Relazzjonijiet ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali u oħrajn

39 ‑ 41

Taqsima X

Flus

42 ‑ 55

Taqsima XI

Ġenerali

56 ‑ 61

Taqsima XII

Dispożizzjonijiet Transizzjonali dwar il‑Lira Maltija

62 ‑ 63

 

 


Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta hu korp ġuridiku stabbilit skont l‑Artikolu 3 tal‑Att. Skont it‑termini ta’ Artikolu 4 tal‑Att, l‑għan ewlieni tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta hu li jżomm l‑istabbiltà fil‑prezzijiet. Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta hu korp indipendenti għalkollox skont l‑Artikolu 5(2) tal‑Att, l‑Artikolu 7 tal‑Istatut tas‑SEBĊ, u l‑Artikolu 130 tat‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea. Il‑Bank igawdi indipendenza istituzzjonali u finanzjarja, waqt li l‑Gvernaturi tiegħu jgawdu livell għoli ta’ indipendenza personali.

Permezz tal‑Artikolu 5 tal‑Att, il‑Bank għandu l‑kompiti li ġejjin:

• li jimplimenta l‑politika monetarja;

• li jżomm u jimmaniġġa l‑assi ta’ riżerva;

• li jiżgura l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja;

• li jippromwovi sistema ta’ pagament soda u effiċjenti;

• li jipprovdi għaċ‑ċirkolazzjoni tal‑karti tal‑flus tal‑euro;

• li jipprovdi għaċ‑ċirkolazzjoni tal‑muniti tal‑euro maħruġa għal, u f’isem, il‑Gvern;

• li, b'mod ġenerali, jagħti pariri lill‑Gvern dwar kwistjonijiet finanzjarji u ekonomiċi;

• li jiġbor u jippubblika statistika kif ikun meħtieġ biex iwettaq il‑kompiti tiegħu.

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jaġixxi bħala bankier u konsulent tal‑gvern, iżda ma jistax jipprovdi finanzjament, kreditu jew self kurrenti la lill‑Gvern ta’ Malta u lanqas lil kwalunkwe intrapriża pubblika, kif meħtieġ mill‑projbizzjoni tal‑finanzjament monetarju stabbilita fl‑Artikolu 27 tal‑Att kif ukoll l‑Artikolu 123 (1) tat‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea.

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta għandu wkoll relazzjonijiet diretti ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji. Il‑bażi legali ta’ dawn ir‑relazzjonijiet u l‑implikazzjonijiet tagħhom huma inklużi fl‑Artikoli 30 u 31 tal‑Att. Skont id‑dispożizzjonijiet ta’ dawn l‑Artikoli, il‑Bank:

• jista’ jaġixxi bħala bankier għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji;

• jista’ jaċċetta depożiti mingħand istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji;

• f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jista’ jaħtar istituzzjonijiet ta’ kreditu bħala aġenti tiegħu;

• għandu jfittex kooperazzjoni u għandu jikkoopera ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji;

• għandu jissorvelja u jirregola l‑operazzjoni ta’, u l‑parteċipazzjoni f’sistemi ta’ pagament.

Barra dan, fl‑implimentazzjoni tal‑politika monetarja, skont l‑Istatut tal‑Bank Ċentrali Ewropew, il‑Bank hu awtorizzat li jesiġi li l‑istituzzjonijiet ta’ kreditu jiftħu u jżommu kontijiet ta’ depożitu ta’ riżerva u li jirrappurtaw dwarhom.

L‑Att jagħti wkoll is‑setgħa lill‑Bank biex jirrikjedi li l‑operaturi li jirrapportaw, li jinkludu istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji, jissottomettu dik l‑istatistika u informazzjoni ta’ xorta oħra li l‑Bank ikun jeħtieġ għat‑twettiq tad‑dmirijiet tiegħu skont l‑istess Att.

Il‑Bank ħareġ ukoll numru ta’ Direttivi tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

Pieni


Kif provdut fl‑Artikolu 56 tal‑Att, il‑Ministru tal‑Finanzi ħareġ ir‑Regolamenti dwar il‑Bank Ċentrali ta’ Malta (Penalitajiet għal Reati u Ksur ta’ Regolamenti) (Kap. 204.05), li jipprovdu għal pieni amministrattivi fir‑rigward ta’ ksur tal‑Att jew tad‑Direttivi maħruġa skont l‑Att.