Registru Ċentrali tal-Kreditu
Ir-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu hu database ta' informazzjoni mhux anonima dwar kull espożizzjoni tad-debituri, li jistgħu jkunu kemm persuni legali kif ukoll persuni naturali; l-informazzjoni tiġi pprovduta minn istituzzjonijiet ta' kreditu (banek) residenti u liċenzjati mill-MFSA (Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta). Dawn il-persuni jistgħu jkunu kumpaniji residenti jew mhux residenti, finanzjarji jew mhux finanzjarji, privati u pubbliċi (minbarra istituzzjonijiet ta' kreditu); individwi; negozjanti/proprjetarji waħdanin; u organizzazzjonijiet li m'għandhomx skop ta' profitt, li jkollhom espożizzjonijiet ta' iżjed minn €5,000. Il-banek huma obbligati jipprovdu informazzjoni dwar klijenti attwali skont id-Direttiva Nru 14 tal-Bank Ċentrali ta' Malta, u kull bank għandu jirrapporta lill-Bank Ċentrali ta' Malta l-bilanċi tal-espożizzjonijiet ta' kull klijent li jaqbżu l-€5,000 kif irreġistrati fi tmiem ix-xahar; dan għandu jsir sal-għoxrin jum kalendarju tax-xahar ta' wara x-xahar ta' referenza li għalih jirreferu l-bilanċi.