Bankier tal-banek u tas-settur pubbliku
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta hu l‑bankier tal‑Gvern u tal-istituzzjonijiet ta' kreditu lokali. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jipprovdi 'l‑banek b'likwidità kull meta jkun meħtieġ permezz ta' operazzjonijiet fis‑suq ħieles u self kontra garanzija. Il‑Bank jieħu sehem fi, u jħaddem, it‑TARGET2-Malta li tifforma parti minn TARGET2 tal‑Eurosistema. Din is‑sistema ssostni wkoll il‑ħlas ta' ammonti żgħar bejn il‑banek, permezz tal‑operazzjoni taċ‑Ċentru Malti għall‑Ħlasijiet (Malta Clearing House) fejn jitħallsu kuljum permezz tat‑TARGET2.
Il‑banek iżommu mal‑Bank bilanċi ta' depożiti soġġetti għal avviż u oħrajn b'aċċess immedjat. Jekk ikun meħtieġ, huma jistgħu jieħdu self jew avvanzi mill‑Bank għal żmien qasir, iggarantiti bi pleġġ jew depożitu ta' assi speċifiċi mal‑Bank. Minbarra l‑operazzjonijiet tas‑suq ħieles imsemmija hawn fuq, il‑Bank jista' jipprovdi faċilitajiet ta' rifinanzjament lill‑banek billi jixtru assi eliġibbli bi skont.
Bħala parti mit‑tmexxija tal‑politika monetarja, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jista' jesiġi li l‑istituzzjonijiet bankarji jżommu depożiti ta' riżerva mal‑Bank. Mill‑1 ta' Jannar 2008, il‑Bank Ċentrali ta' Malta adotta s‑sistema tar‑riżervi minimi tal‑BĊE. Il‑qafas legali għal din is‑sistema kif tinsab fl‑Artiklu 19 tal‑Istatut tas‑SEBĊ, fir‑Regolament Nru 2531/98/KE tat‑23 ta' Novembru 1998 dwar l‑applikazzjoni tar‑riżervi minimi tal‑BĊE u r‑Regolament Nru 1052/2008/KE tal‑BĊE tat‑22 t'Ottubru 2008 li jemenda r‑Regolament Nru 1745/2003/KE (BĊE/2003/9) dwar l‑applikazzjoni tar‑riżervi minimi (BĊE/2008/10). Ir‑rekwiżit ta' riżerva meħtieġa minn kull istituzzjoni titħaddem abbażi l‑bażi ta' riżerva. Id‑data mill‑balance sheet li tirreferi għall‑aħħar ta' xahar partikolari tintuża sabiex jiġi kkalkulat il‑bażi tar‑riżerva għal perijodu ta' manutenzjoni li jibda f'dak ix‑xahar xahrejn wara.
Il‑Bank jaħdem ukoll bħala bankier għal għadd ta' istituzzjonijiet fis‑settur pubbliku u jipprovdilhom faċilitajiet bankarji varji inklużi servizzi ta' kontijiet tad‑depożiti u dawk tal‑kambju.
Avviż dwar il‑Protezzjoni u l‑Privatezza tad‑Data għal Pagamenti Elettroniċi
Data personali relatata ma' transazzjonijiet magħmula bis‑SWIFT (Society for Worldwide Interbank Financial Telecomunication) tista' tkun mogħtija lill‑awtoritajiet tal‑Istati Uniti biex b'hekk tikkonforma mar‑rekwiżiti legali applikabbli mill‑Istati Uniti dwar il‑prevenzjoni ta' attivitajiet kriminali.