News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

16/06/2017

Simpożju dwar il-kompetittività u l-isfidi fuq żmien medju f’ekonomiji miftuħa żgħar

Fis‑16 ta' Ġunju 2017, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ospita simpożju dwar il‑kompetittività u l‑isfidi fuq żmien medju f'ekonomiji miftuħa żgħar, b'enfasi speċjali fuq l‑isfidi tal‑Brexit.

Matul l‑ewwel sessjoni tas‑simpożju, id‑Deputat Gvernatur Alfred Mifsud nieda pubblikazzjoni riċenti ta' riċerka tal‑Bank 'Challenges and opportunities of sustainable economic growth: the case of Malta'. Il‑pubblikazzjoni teżamina l‑andament ekonomiku riċenti ta' Malta u tevalwa l‑isfidi u l‑opportunitajiet futuri.

Dr Aaron G. Grech, iċ‑Chief Economist u ċ-Chief Officer Economics tal‑Bank, ta deskrizzjoni tal‑pubblikazzjoni ta' riċerka u r‑riżultati prinċipali li ħarġu minn din ir‑riċerka. Fl‑ewwel taqsima l‑pubblikazzjoni tivvaluta l‑potenzjal tat‑tkabbir fuq żmien medju tal‑ekonomija Maltija. It‑tieni taqsima tittratta dwar analiżi tas‑sostennibbiltà ta' xejriet riċenti fid‑dejn pubbliku u l‑kont kurrenti. L‑aħħar taqsima tivvaluta jekk l‑iżviluppi makrofinanzjarji humiex konformi mal‑prinċipji fundamentali.

Id‑Deputat Gvernatur Alexander Demarco introduċa t‑tieni sessjoni tas‑simpożju fejn ġew diskussi l‑isfidi li jiffaċċjaw ekonomiji miftuħa żgħar fuq iż-żmien medju. Dr Ardo Hansson, il‑Gvernatur tal‑Eesti Pank (il-bank ċentrali tal-Estonja), iddiskuta l‑iżviluppi riċenti fl-ekonomija tal-Estonja wara l-kriżi finanzjarja globali.

Dr Mario Vella, il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, ippreżenta l‑valutazzjoni tiegħu dwar l‑ekonomija Maltija. Il‑Gvernatur spjega li l‑istudju tal‑Bank dwar is‑sostennibbiltà tal‑mudell tat‑tkabbir ekonomiku ta' Malta jipprovdi riżultati li jassiguraw mill‑ġdid il‑fiduċja. Ma jidhirx li hemm evidenza li ż‑żieda fl‑attività ekonomika seħħet minħabba żbilanċi li qed jikbru fil‑kontijiet fiskali u esterni ta' Malta. It‑tkabbir jidher li hu riżultat ta' użu aħjar ta' fatturi disponibbli ta' produzzjonijiet u jirrifletti titjib strutturali. Il‑Gvernatur enfasizza l‑importanza ta' titjib kontinwu fl‑użu effettiv ta' riżorsi u produttività għall‑ġenerazzjoni ta' tkabbir ekonomiku b'saħħtu.

L‑aħħar sessjoni tas‑simpożju indirizzat l‑isfidi tal‑Brexit għal ekonomiji miftuħa żgħar b'rabtiet mill‑qrib mar‑Renju Unit. Is‑Sur Noel Rapa, Senior Research Economist fil‑Bank Ċentrali ta' Malta, ippreżenta r‑riżultati tal‑istudju tiegħu dwar l‑impatt tal‑Brexit fuq l‑ekonomija Maltija, filwaqt li l‑Professur Karl Whelan, Head of School of Economics of University College Dublin, iddiskuta l‑kompetittività tal‑ekonomija tar‑Renju Unit wara l‑Brexit.

Il‑pubblikazzjoni 'Challenges and opportunities of sustainable economic growth: the case of Malta' tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. 

Symposium

Symposium

Symposium

 

Lura lejn l-Arkivju