News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

10/05/2017

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – it-Tieni Ħarġa tal-2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t‑tieni ħarġa tar‑Rivista Ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2017, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul ir‑raba' trimestru tal‑2016.

Ir‑Rivista tinkludi wkoll artiklu dwar il‑mudell Dynamic Stochastic General Equilibrium (DSGE) għall‑ekonomija Maltija. Artiklu ieħor jaġġorna studju li sar mill‑Bank fl‑2015 dwar rabtiet bejn industriji differenti. Din l‑edizzjoni tippreżenta wkoll paragun tar-riżultati tal‑aħħar Stħarriġ dwar Finanzi u Konsum tal‑Familji għal Malta ma' dawk ta' pajjiżi parteċipanti oħrajn tal‑UE.

Matul l‑aħħar trimestru tal‑2016, il‑prodott domestiku gross (PDG) reali f'Malta kiber b'5.1% sena fuq sena. Din ir‑rata ta' tkabbir kienet tliet darbiet iżjed mir‑rata rreġistrata għaż‑żona tal‑euro kollha kemm hi. Kompla jkun hemm żviluppi pożittivi fis‑suq tax‑xogħol, hekk kif l‑impjiegi komplew jiżdiedu u l‑qgħad kompla jonqos.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni mkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet bi ftit matul it‑trimestru, fil‑livell ta' 1.0% f'Diċembru. L‑inflazzjoni f'Malta baqgħet baxxa minn perspettiva storika, u għall‑ewwel darba f'aktar minn sentejn, il‑figura ta' Diċembru kienet ukoll inqas minn dik irreġistrata fiż‑żona tal‑euro.

Id‑dinamika monetarja baqgħet b'saħħitha matul ir‑raba' trimestru tal‑2016. Id‑depożiti ta' residenti f'Malta ma' istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li joperaw f'Malta komplew jiżdiedu f'termini annwali minħabba tkabbir b'saħħtu fid‑depożiti overnight. Ir‑rata ta' bidla annwali ta' kreditu lil residenti f'Malta aċċellerat minħabba tkabbir aktar mgħaġġel fi kreditu lil residenti barra mis‑settur tal‑gvern ġenerali.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, fl‑aħħar trimestru tas‑sena, il‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali żdied meta mqabbel mal‑perjodu korrispondenti sena qabel, hekk kif l‑infiq naqas b'rata aktar mgħaġġla mid‑dħul. Meta mkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, il‑bilanċ pożittiv kien ekwivalenti għal 1.0% tal‑PDG, żieda minn 0.8% fit‑tielet trimestru tal‑2016. Id‑dejn tal‑gvern ġenerali bħala sehem tal‑PDG kien fil‑livell ta' 58.3% fl‑aħħar ta' Diċembru, tnaqqis minn 59.7% tliet xhur qabel.

Ir‑Rivista tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali lejn id‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja li ttieħdu mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li kienu mqanqla minn tkabbir ekonomiku kontinwu u żieda moderata fil‑prezzijiet. Il‑Kunsill Governattiv żamm ir‑rati ewlenin tal‑imgħax l‑istess matul l‑aħħar tliet xhur tas‑sena u estenda l‑programm tiegħu tax‑xiri ta' assi (APP) tal‑inqas sal‑aħħar tal‑2017. Il‑BĊE ħabbar ukoll aktar tibdiliet fil‑parametri tal‑APP, bil‑ħsieb li jiġi żgurat tħaddim bla xkiel tal‑programm.

It‑tieni ħarġa tar‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur għall‑2017 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju