News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

09/01/2017

Programm għall-2017 dwar ħruġ ta’ muniti mill-Bank Ċentrali ta’ Malta

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jħabbar il‑programm tiegħu għall‑2017 dwar ħruġ ta' muniti li ser jinkludu:

- Munita numiżmatika tal‑fidda li tfakkar il‑Presidenza Maltija tal‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea minn Jannar 2017. Din ser tkun l-ewwel darba li Malta ser tieħu f'idejha l‑Presidenza, u din il‑munita tal‑fidda ser tkun qed tfakkar din l‑okkażjoni storika. Il‑munita hija mistennija li toħroġ f'Jannar 2017.

- Munita numiżmatika tad‑deheb u l‑fidda maħruġa taħt l‑Europa Coin Programme, li fl‑2017 ser ikollha t‑tema 'Żmien il‑Ħadid u l‑Ħġieġ'. Il‑muniti Maltin ser juru dettall mill‑konservatorju mibni fil‑Ġonna Botaniċi tal‑Argotti. Sfortunatament, din l‑istruttura imponenti tal‑ħadid u l‑ħġieġ m'għadhiex teżisti. Dawn il‑muniti huma mistennija li joħorġu f'Marzu 2017.

- Sett ta' muniti tal‑euro datat 2017 li jikkonsisti fit‑tmien muniti tal‑euro Maltin fiċ‑ċirkolazzjoni, flimkien ma' munita kommemorattiva taż‑€2 li hija t‑tieni minn serje ta' seba' muniti li juru strutturi preistoriċi Maltin iddikjarati bħala siti ta' wirt dinji mill‑UNESCO. Dan is‑sett hu mistenni li joħroġ f'Ġunju 2017.

- Munita kommemorattiva taż‑€2 li turi t‑tempji ta' Ħaġar Qim. Din il‑munita ser tkun it‑tieni minn serje ta' seba' muniti li juru strutturi preistoriċi Maltin iddikjarati bħala siti ta' wirt dinji mill‑UNESCO. Il‑munita ser toħroġ fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll individwalment bħala coin cards. Din il‑munita hi mistennija li toħroġ f'Lulju 2017.

- Munita numiżmatika tal‑fidda, li tfakkar il‑ħamsa u sebgħin anniversarju mill‑Operation Pedestal, magħrufa aktar bħala l‑Konvoj ta' 'Santa Marija'. Din il‑munita hija b'rikonoxximent għal avveniment importanti matul it‑Tieni Gwerra Dinjija. Din il‑munita hi mistennija li toħroġ f'Awwissu 2017.

- Munita kommemorattiva taż‑€2 li turi d‑disinn rebbieħ ta' kompetizzjoni li ser tkun miftuħa għall‑istudenti kollha tal‑iskejjel sekondarji, bit‑tema għall‑2017 tkun 'Il‑Paċi'. Il‑munita ser toħroġ fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll individwalment bħala coin cards. Din il‑munita hi mistennija li toħroġ f'Novembru 2017.

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7. Il‑programm dwar ħruġ ta' muniti jista' jitniżżel mis‑sit elettroniku tal‑Bank. Il‑muniti u prodotti oħra jistgħu jinxtraw direttament mill‑portal tal‑Malta Coin Centre www.maltacoincentre.com.

Lura lejn l-Arkivju