News

News - Aġġornament Ekonomiku 2017

19/04/2017

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 4/2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sat‑12 ta' April 2017.

Il‑kundizzjonijiet tan‑negozju baqgħu favorevoli, bl‑Indiċi rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) ikompli jkun f'livelli ta' attività ogħla min‑normal f'Marzu. Is‑sentiment ekonomiku naqas bi ftit matul ix‑xahar, hekk kif sentiment iktar dgħajjef fis‑setturi tal‑bejgħ u s‑servizzi, u fost il‑konsumaturi, patta għal titjib fis‑sentiment fl‑industrija u l‑kostruzzjoni.

Fi Frar, ir‑rata ta' bidla annwali tal‑bejgħ lill‑konsumaturi saret negattiva. Madankollu, il‑produzzjoni industrijali u l‑attività fit‑turiżmu komplew jiżdiedu.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati jkompli jonqos matul ix‑xahar.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) battiet għal 1.2%.

Fi Frar, id‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta żdiedu bi 11.7% meta mqabbla mal‑istess xahar tal‑2016, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied bi 2.4%.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali wera bilanċ pożittiv fl‑2016 u, b'mod kumulattiv, fl‑ewwel xahrejn tal‑2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Back