News - Stqarrijiet għall-Istampa 2025
12/06/2025 09:30:00
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r-Rapport tiegħu dwar Rappurtaġġ Finanzjarju marbut mal-Klima
Il-Bank Ċentrali ta' Malta llum ippubblika t-tielet Rapport annwali tiegħu dwar Rappurtaġġ Finanzjarju marbut mal-Klima għall-portafoll ta' assi finanzjarji tiegħu li mhumiex marbuta mal-politika monetarja. Dan ir-rapport jenfasizza l-impenn kontinwu tal-Bank għat-trasparenza, is-sostenibbiltà u l-allinjament mal-miri klimatiċi globali. Ir-rapport jaċċenna l-progress tal-Bank fl-integrazzjoni tar-riskju klimatiku fl-istrateġiji tiegħu ta' investimenti finanzjarji u fl-avvanz lejn il-kisba tan-newtralità fl-emissjoni tal-karbonju sal-2050, b'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-miri klimatiċi tal-UE.
Ir-rappurtaġġ jimxi mal-linji gwida tat-Task Force dwar Rappurtaġġ Finanzjarju marbut mal-Klima (TCFD) u jallinjaw mal-istandards tas-Sħubija għall-Finanzjamenti tal-Kontabilità tal-Karbonju (PCAF), li jiżguraw rappurtaġġ rigoruż u konsistenti. Il‑Bank jappoġġa wkoll il-metodu komuni tal‑Eurosistema għal rappurtaġġ marbut mal‑klima.
Il‑Bank żied l‑investimenti tiegħu f'fondi ta' ishma li jsegwu l‑Indiċijiet tal‑Parametru Referenzjarju allinjat mal-Ftehim ta' Pariġi (PAB), kif ukoll f'bonds ekoloġiċi, soċjali u sostenibbli. Bil-qalba lejn investimenti f'ishma għal fondi li jimxu skont il-PAB u l-applikazzjoni ta' esklużjonijiet tal-PAB għall-portafoll ta' bonds korporattivi tiegħu, il-Bank kompla jnaqqas ir-riskji relatati mal-klima u l-impatt ambjentali f'assi li mhumiex maħruġa minn xi stat sovran, minkejja li żied l-investimenti tiegħu. L-investimenti f'assi maħruġa minn stati sovrani u b'emissjonijiet aktar baxxi kkontribwew b'mod pożittiv ukoll għall-profil klimatiku tal-portafoll tal-Bank.
Għall-ewwel darba, il-Bank ħa kont tat-tielet kategorija tal-emissjonijiet indiretti (Ambitu 3) relatati ma' investimenti mhux maħruġa minn stati sovrani fil-portafolji tiegħu tal-politika mhux monetarja (NMPPs), flimkien ma' metrika ewlenija dwar kemm il-kumpaniji huma esposti għal setturi sensittivi relatati man-natura. Dan ir-rappurtaġġ jippermetti lill-Bank isegwi l-progress lejn il-kisba tal-miri ta' dekarbonizzazzjoni fit-tul u jipprovdi kontabilità akbar lill-partijiet kollha interessati.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' impenjat biex maż-żmien l‑assi li jamministra joqorbu aktar lejn l‑għan li tinkiseb in‑newtralità fl-emissjoni tal-karbonju sal‑2050. Il‑Bank ser ikompli jsaħħaħ u jkabbar il‑firxa tar-rappurtaġġ tiegħu marbut mal‑klima, filwaqt li jaħdem mill‑qrib mal‑Bank Ċentrali Ewropew u sħab oħra fl‑Eurosistema sabiex jindirizza l‑isfida fil-kisba ta' informazzjoni kwantitattiva u jsostni deċiżjonijiet aktar infurmati dwar investiment sostennibbli.
Lura lejn l-Arkivju