News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2022

28/07/2022

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jiffirma l-Istatut tas‑Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u l‑Mekkaniżmu

F'konformità mal‑isforz kontinwu sabiex jippromwovi u jsostni l‑impenn tiegħu biex irawwem post tax‑xogħol inklużiv u ugwali, il‑Bank Ċentrali ta' Malta, flimkien mal‑Bank Ċentrali Ewropew u ħamsa u għoxrin bank ċentrali nazzjonali u awtoritajiet kompetenti, iffirma uffiċjalment l-Istatut dwar l-Ugwaljanza, id-Diversità u l-Inklużjoni (EDI) tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU).

Dan l-Istatut, li ma jorbotx legalment, jgħaqqad flimkien għadd ta' banek ċentrali u awtoritajiet kompetenti nazzjonali fis-SEBĊ u l-MSU li volontarjament impenjaw ruħhom għal sett ta' prinċipji kondiviżi u għanijiet komuni. Permezz ta' dan, il-firmatarji qegħdin iwiegħdu li jagħtu prijorità lill-ugwaljanza, id-diversità u l-inklużjoni u jimpenjaw ruħhom għal għadd ta' miri li għandhom l-għan li jħaddnu u jinkoraġġixxu t-tliet pilastri msemmija fil-prattika.

L-Istatut huwa ta' aspirazzjoni u jgħaqqad flimkien l-isforzi individwali tal-organizzazzjonijiet kollha peress li l-għan hu dak li jkollu impatt qawwi kemm f'postijiet tax-xogħol speċifiċi kif ukoll fuq livell usa' tas-sistema.

B'mod konsistenti mal-Politika EDI u l-Pjan Strateġiku Korporattiv tal-Bank, l-iffirmar ta' dan l-Istatut huwa wieħed minn diversi miżuri li l-Bank qed jieħu sabiex jiżgura s-salvagwardja tal-impjegati kollha. F'dan ir-rigward, il-Bank għandu l-għan li jrawwem kultura organizzattiva inklużiva u antidiskriminatorja u dik li tħaddan id-diversità tal-ħsieb filwaqt li tiċċelebra l-karatteristiċi uniċi u distinti ta' kull impjegat/a. Il-Gvernatur Scicluna qal li jinsab "sodisfatt li qed jiċċelebra d-diversità li tista' verament trawwem ambjent ta' xogħol inklużiv u ugwali."

Charter Agreement
Il-Gvernatur tal-Bank, il-Professur Edward Scicluna, jiffirma l-Istatut tas-SEBĊ u l-MSU dwar l-EDI
It-tieni ringiela mix-xellug: Id-Deputat Gvernatur tal-Bank, Oliver Bonello, id-Deputat Gvernatur tal-Bank, Alexander Demarco, u ċ-Chief Officer Human Resources tal-Bank, Mr Paul Farrugia

Lura lejn l-Arkivju