News - Stqarrijiet għall-Istampa 2025
07/05/2025 09:00:00
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippreżenta r‑Rapport Annwali għall-2024
Fit-30 ta' April 2025, il‑Bank Ċentrali ta' Malta nieda r‑Rapport Annwali tiegħu għall-2024 f'Binja Laparelli fil‑Belt Valletta. Din l-attività ġiet indirizzata mill-Aġent Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, is‑Sur Alexander Demarco, il-Kap Ekonomista, Dr Aaron Grech, u d‑Deputat Gvernatur għall‑Istabbiltà Finanzjarja, is‑Sur Oliver Bonello. Ir‑Rapport Annwali għall‑2024 jagħti analiżi dettaljata komprensiva tal‑iżviluppi ekonomiċi, monetarji u finanzjarji ewlenin kemm f'Malta kif ukoll globalment. Ir-Rapport jinkludi wkoll rendikont tal-iżviluppi organizzattivi flimkien mar-rapporti finanzjarji tal-Bank.

Is-Sur Oliver Bonello – Deputat Gvernatur għall-Istabbiltà Finanzjara, l-Aġent Gvernatur Alexander Demarco u
Dr Aaron G. Grech – Kap Ekonomista
L-Aġent Gvernatur, is-Sur Alexander Demarco, ta ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi fl-ekonomija taż-żona tal-euro u l-politika monetarja tagħha. Qal li bl-informazzjoni li dieħla u tbassir wara l-ieħor għall-inflazzjoni taż-żona tal-euro li qed juru tisħiħ fil-proċess ta' diżinflazzjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) beda jerħi mir-restrittività tal-politika monetarja. Il-BĊE beda jnaqqas ir-rati tal-imgħax f'Ġunju u ħabbar tnaqqis addizzjonali fir-rati fit-tieni nofs tas-sena u fl-ewwel kwart tal-2025. Sadattant, l-assi totali fil‑karta tal‑bilanċ tal‑Eurosistema komplew jonqsu, bħala parti min‑normalizzazzjoni li bdiet fl‑2022. Matul is-sena l-BĊE ħabbar ukoll bidliet fil-qafas operazzjonali għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja.
Il-Kap Ekonomista tal‑Bank, Dr Aaron Grech, qal li t‑tkabbir ekonomiku f'Malta baqa' ferm ogħla minn dak fiż‑żona tal‑euro. Meta jitneħħa l-kontenut impurtat, it-tkabbir kien sostnut bl-istess mod mid‑domanda domestika u mill‑esportazzjoni. L‑inflazzjoni mmoderat b'mod sinifikanti, bir‑rata ġenerali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur kienet medja ta' 2.4% fl‑2024, u għalhekk inqas minn nofs dik tal‑2023. Barra minn hekk, kemm din ir-rata kif ukoll dik imkejla skont l-indiċi li jeskludi l-enerġija u l-ikel kienu inqas mill-kontroparti tagħhom fiż-żona tal-euro sa Diċembru. It‑tbassir tal‑Bank jipprevedi moderazzjoni kemm fir‑rata tat‑tkabbir ekonomiku u kif ukoll fl‑inflazzjoni li mistennija tkompli tersaq lejn il‑mira tagħha. Madankollu, għad hemm ħafna inċertezza u jeżistu riskji kemm pożittivi u negattivi għat-tbassir preżentat.
Is-Sur Oliver Bonello, Deputat Gvernatur responsabbli għall-Istabbiltà Finanzjarja, iffoka dwar l-iżviluppi riċenti fis-settur bankarju domestiku, filwaqt li nnota l-istabbiltà tiegħu permezz ta' livelli ta' kapital b'saħħithom, buffers ta' likwidità għolja, kif ukoll kwalità mtejba tal-assi u profittabilità. Irrefera wkoll għall-importanza ta' miżuri makroprudenzjali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-banek u għalaq il-preżentazzjoni tiegħu billi rrefera għall-potenzjal għall-estensjoni tal-bafer tar-riskju sistemiku settorjali eżistenti.
L‑Aġent Gvernatur ikkonkluda b'ħarsa ġenerali lejn ir‑riżultati finanzjarji tal‑Bank. Qal li l-Bank irnexxielu jdawwar l-andament finanzjarju tiegħu u rreġistra profitt għas-sena finanzjarja li ntemmet f'Diċembru 2024, li jammonta għal €4.95 miljun.

Ritratti: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta
Għat-tnedija attendew uffiċjali minn istituzzjonijiet ta' kreditu, diplomatiċi, stockbrokers, ekonomisti, imsieħba soċjali u operaturi soċjoekonomiċi oħrajn. It-tnedija kienet tinkludi sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet għal dawk li attendew u l-ġurnalisti.
Ir-Rapport Annwali għall-2024 jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju