News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2023

05/06/2023

Rappreżentanti mill-Bank Ċentrali ta’ Malta pparteċipaw fil-Laqgħa tal-Kostitwenza tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) f’Samarkand, l-Użbekistan

Fit-32 Laqgħa Annwali tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) ta’ din is-sena, li saret bejn is-sittax u t-tmintax ta’ Mejju 2023 f’Samarkand, l-Użbekistan, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u Gvernatur tal-BERŻ kien rappreżentat minn Mr Matthew Zammit u Mr Ahmed Hnesh mill-Eurosystem and International Relations Office tal-Bank.

Din il-laqgħa annwali, meqjusa bħala avveniment ċentrali fil-kalendarju tal-Bank, tissodisfa diversi funzjonijiet, fosthom il-laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi (l-ogħla korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-BERŻ) u l-Forum tan-Negozju li jattira varjetà wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet governattivi, tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili minn madwar id-dinja.

Stabbilit fl-1991, il-BERŻ huwa istituzzjoni ddedikata għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u l-ħolqien ta' settur privat b’saħħtu. Wieħed u sebgħin pajjiż, l-Unjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment huma l-azzjonisti tal-Bank. Il-Bank jopera fi kważi 40 ekonomija fl-Ewropa, fl-Asja u fl-Afrika, jiġifieri f’dawk il-pajjiżi li huma impenjati u li qed japplikaw il-prinċipji tad-demokrazija multipartitika, il-pluraliżmu u l-ekonomija tas-suq.

Kif ġie enfasizzat mill-President tal-BERŻ, Odile Renaud-Basso, u minn diversi diretturi u gvernaturi tal-Bank, il-laqgħa annwali ta’ din is-sena rrappreżentat waħda mill-aktar okkażjonijiet sinifikanti fl-istorja tal-Bank għax seħħet fost l-invażjoni fl-Ukrajna u l-kundizzjonijiet finanzjarji globali diffiċli. Għal dan il-għan, matul il-Laqgħa Annwali, il-membri affermaw mill-ġdid l-irwol kritiku li l-Bank għandu jkollu fl-appoġġ lill-Ukrajna u rrikonoxxew il-ħtieġa għal appoġġ addizzjonali mill-azzjonisti. Barra minn hekk, il‑Bank approva wkoll emendi għall‑Ftehim li jistabbilixxi l‑Bank biex jippermetti l‑espansjoni limitata u inkrementali tal‑operat tiegħu lejn l‑Afrika Sub‑Saħarjana u l‑Iraq.

Lura lejn l-Arkivju