News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2022

01/08/2022

Iż-żamma tal-uniċità tal-politika monetarja għandha titqies bħala kundizzjoni neċessarja għall-istabbiltà fil-prezzijiet. Il-BĊE huwa lest li jaġixxi jekk iseħħ kwalunkwe tfixkil fil-mekkaniżmu tat-trażmissjoni – Gvernatur Scicluna

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Scicluna, indirizza lill‑komunità finanzjarja ta' Londra inklużi membri tal‑akkademja f'seminar għal kelliema distinti f'Londra. Is-seminar, li għalih attendew aktar minn 80 parteċipant/a, ġie organizzat miċ-Ċentru Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-Università ta' Londra fil-15 ta' Ġunju 2022.

F'diskors intitolat "The Economic and Financial Outlook for the Euro Area", il‑Gvernatur iddiskuta n‑normalizzazzjoni tal‑pożizzjoni tal-politika monetarja wara d‑deċiżjoni tal‑BĊE li jgħolli r‑rati ewlenin tal-imgħax fix‑xahar li ġej. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE, li tiegħu l-Professur Edward Scicluna huwa membru, ħa din id-deċiżjoni b'reazzjoni għall-inflazzjoni persistenti fiż-żona tal-euro. Barra minn hekk, il‑Gvernatur elabora fuq l‑għodod li l‑BĊE jista' juża biex jilqa' għaż-żieda riċenti mill‑ġdid ta' riskji ta' frammentazzjoni fiż‑żona tal‑euro.

Il-Gvernatur qal li, "Iż-żamma tal-uniċità tal-politika monetarja għandha titqies bħala kundizzjoni neċessarja għall-istabbiltà fil-prezzijiet. Il-BĊE huwa lest li jaġixxi jekk iseħħ kwalunkwe tfixkil fil-mekkaniżmu tat-trażmissjoni."


Id‑diskors tal‑Gvernatur kien segwit minn sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet li kienet immexxija mill‑Professur Hannah Scobie, President taċ‑Ċentru Ewropew għall‑Ekonomija u l‑Finanzi tal‑Università.

 

 

Lura lejn l-Arkivju