News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2022

17/03/2022

Tnedija tal-Pjan Strateġiku Korporattiv tal-Bank Ċentrali ta’ Malta

Fl-14 ta' Marzu 2022, il‑Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank) nieda l‑Pjan Strateġiku Korporattiv tiegħu waqt laqgħa virtwali għall‑impjegati kollha. Waqt din il-laqgħa, l-impjegati ġew indirizzati mill-Gvernatur Edward Scicluna, mid-Deputati Gvernaturi Alexander Demarco u Oliver Bonello, u miċ-Chief Operating Officer Daniele Romano.

Il-Bank ikkonferma l-għanijiet strateġiċi u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tiegħu, identifika u ta prijorità l-portafoll tiegħu tal-proġetti, u assigura relazzjoni diretta bejn l-għanijiet strateġiċi tal-Bank u l-kontribut meħtieġ minn kull impjegat/a.

Il-Pjan ser ikompli jiffoka dwar l-istrateġija tat-trasformazzjoni diġitali tal-Bank u jenfasizza l-importanza tal-inklussività u l-ugwaljanza. Ser tkompli ssir enfasi kbira fuq it-tnaqqis fl-impatt ekoloġiku tal-Bank.

Il-Pjan Strateġiku Korporattiv, li ġie kkonfermat permezz ta' proċess komprensiv bil-parteċipazzjoni tal-livelli kollha tal-maniġment, jiġbor l-għanijiet strateġiċi tal-Bank fi tmien elementi fundamentali:

1.    Jiżgura kontribut attiv għas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, jappoġġja l-għan ewlieni tagħha tal-istabbiltà fil-prezzijiet, filwaqt li jipparteċipa fil-fora u l-avvenimenti tagħha.

2.    Irawwem stabbiltà finanzjarja permezz tat-tisħiħ tar-reżiljenza tas-settur finanzjarju domestiku.

3.    Jiżgura t-tħaddim ta' sistema ta' pagamenti bla xkiel u provvista sigura ta' flus kontanti.

4.    Ikompli jkun ta' referenza għall-analiżi ekonomika u finanzjarja, ir-riċerka u l-istatistika f'Malta.

5.    Itejjeb il-qligħ fuq l-assi finanzjarji taħt il-maniġġ tagħna.

6.    Itejjeb il-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji u s-sigurtà, speċjalment sabiex titħares bis-sħiħ l-integrità tas-sistemi.

7.    Iżomm governanza interna b'saħħitha, f'konformità sħiħa mal-liġi.

8.    Isaħħaħ b'mod ġenerali l-effiċjenza u l-effettività, filwaqt li jippromwovi b'mod attiv il-kuxjenza ambjentali, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, l-inklussività u d-diversità.

L-impjegati tal‑Bank kellhom l‑opportunità li jiddiskutu l-Pjan Strateġiku Korporattiv mal‑Gvernatur, mad‑Deputati Gvernaturi u mal-maniġment.

Professur Scicluna

Lura lejn l-Arkivju