News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2021

24/11/2021

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika emendi fid-Direttiva Nru 16

Il-Bank Ċentrali ta' Malta llum ippubblika verżjoni aġġornata tad-Direttiva Nru 16 dwar il-Miżuri tas-Self. Dan l-aġġornament jirrifletti l-bidliet li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tranżitorji li issa daħlu fis-seħħ u kif ukoll ir-rispons riċevut min-naħa tal-banek. Il-bidliet jirriflettu wkoll xi kjarifiki dwar il-verżjoni preċedenti.

L-emendi ewlenin li saru fid-Direttiva Nru 16 jinkorporaw dan li ġej:

  • Emendi għad-definizzjonijiet kemm għal dawk li jissellfu taħt Kategorija I kif ukoll taħt Kategorija II biex jiġi ċċarat li dawk li jissellfu taħt dawn iż-żewġ kategoriji mhumiex limitati biss għal dawk li qed jixtru proprjetà immobbli residenzjali (RRE) iżda jinkludu wkoll self għall-iskop ta' kostruzzjoni, restawr, titjib u/jew irfinar ta' RRE. F'dan ir-rigward, saru wkoll aġġustamenti żgħar għad-definizzjoni tat-termini 'Self' u 'Self għal RRE' għal raġunijiet ta' konsistenza.
  • Emendi għad-definizzjoni applikabbli biss għal dawk li jissellfu taħt Kategorija I saru f'każijiet fejn self addizzjonali meħud fuq l-istess residenza primarja b'self pendenti għal RRE, għall-iskop biss ta' kostruzzjoni, restawr, titjib u/jew irfinar tal-proprjetà RRE iżda esklużi addizzjonijiet ta' Akkomodazzjoni Residenzjali Indipendenti, huma kklassifikati wkoll taħt Kategorija I, sakemm ma jkun hemm l-ebda self pendenti ieħor għal RRE li jaqa' taħt Kategorija II. Ġie ċċarat ukoll li r-rekwiżiti ta' hawn fuq huma applikabbli wkoll fil-każ ta' self ipotekarju mill-ġdid.
  • Ġew introdotti definizzjonijiet ġodda għat-termini 'Independent Units' (Akkomodazzjoni Residenzjali Indipendenti) u 'Remortgage Loan' (Self Ipotekarju mill-Ġdid).
  • Emenda żgħira għat-terminu 'Borrowers' (Dawk li jissellfu) sabiex jitwessa' l-ambitu għal dawk prospettivi li ser jissellfu.
  • Tneħħiet ir-referenza għall-arranġamenti ta' introduzzjoni gradwali tal-proporzjon LTV-O u minflok issir referenza biss għall-proporzjon effettiv issa ta' 75%.
  • Żieda fil-paragrafu 17 ta' kategorija oħra ta' età tal-pensjoni biex tinkludi persuni li twieldu fis-sena 1951 jew qabel, li għalihom l-età tal-irtirar hija ta' 61 sena. Dan huwa rifless ukoll fit-tabella "Summary of Borrower-Based Measures".
  • Paragrafu ġdid (paragrafu 18) jipprovdi flessibbiltà lill-banek biex ikunu jistgħu, fid-diskrezzjoni tagħhom u b'konformità mal-proċeduri interni tagħhom dwar ir-riskju, isellfu lil persuni li qabżu l-età tal-irtirar, bil-kundizzjoni li: i) min jissellef ikollu l-kapaċità li juri dħul stabbli minn impjieg jew minn sorsi oħra ta' dħul; ii) min qed jislef iwettaq evalwazzjoni dwar jekk dan id-dħul imsemmi jew sorsi oħra ta' dħul hux ser jibqa' hemm matul il-perjodu tas-self; u iii) li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva dwar l-LTV, id-DSTI u l-limiti tal-maturità. Dan huwa rifless ukoll fit-tabella "Summary of Borrower-Based Measures".
  • Emenda għall-paragrafu 19 tad-Direttiva dwar is-sottomissjoni tar-rapporti ta' verifika interna u esterna biex jiġi ċċarat li s-sottomissjoni tar-rapport ta' verifika interna mhix obbligatorja meta ż-żmien jikkoinċidi maċ-ċiklu ta' tliet snin fejn l-istituzzjonijiet ta' kreditu jridu jissottomettu rapport ta' verifika minn awditur estern.

Kopja tad-Direttiva li turi l-emendi msemmijin hawn fuq hija disponibbli bl-aħmar hawn għal riferiment iktar faċli tal-emendi.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika emendi fid-Direttiva Nru 16

Lura lejn l-Arkivju