News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

21/07/2017

Ir-Rivista ta' Kull Tliet Xhur - It-Tielet Ħarġa tal-2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t‑tielet ħarġa tar‑Rivista Ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2017, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul l‑ewwel trimestru tal‑2017.

Ir‑Rivista tinkludi wkoll artiklu li jivvaluta l‑grad ta' intensità fil‑bidla fl‑istruttura tal‑produzzjoni tal‑ekonomija Maltija sa mis‑sena 2000 sal‑lum permezz tal‑applikazzjoni ta' tekniki magħżula ta' kontribut‑produzzjoni. Artiklu ieħor janalizza l‑impatt tal‑Brexit fuq l‑ekonomija Maltija, filwaqt li artiklu ieħor jistudja l‑proċess ta' konverġenza ekonomika f'Malta.

Matul l‑ewwel trimestru tal‑2017, il‑prodott domestiku gross (PDG) reali f'Malta tela' b'4.2% fuq bażi annwali, aktar mid‑doppju tar‑rata rreġistrata għaż‑żona tal‑euro kollha kemm hi. It‑tkabbir kien dovut l‑aktar għad‑domanda domestika b'kontribut mill‑esportazzjoni netta.

Is‑suq tax‑xogħol baqa' dinamiku. L‑impjiegi komplew jiżdiedu u l‑qgħad naqas minn livelli diġà baxxi.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni mkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet bi ftit matul l‑ewwwel tliet xhur tas‑sena u tkun fil‑livell ta' 1.2% f'Marzu. Minkejja din iż‑żieda, l‑inflazzjoni HICP kienet inqas minn dik fiż‑żona tal‑euro, fejn l‑inflazzjoni HICP kienet 1.5%.

Id‑dinamika monetarja baqgħet b'saħħitha matul l‑ewwel trimestru tal‑2017. Id‑depożiti ta' residenti f'Malta ma' istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (IFM) li joperaw f'Malta komplew jiżdiedu b'mod stabbli f'termini annwali, filwaqt li ppersista ċ‑ċaqliq lejn id‑depożiti overnight. Il‑kreditu lil residenti f'Malta kompla jiżdied ukoll minħabba l‑kreditu lill‑gvern ġenerali u self lill‑individwi. Min‑naħa l‑oħra naqas il‑kreditu lil kumpaniji mhux finanzjarji.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, il‑gvern ġenerali rreġistra bilanċ pożittiv fl‑ewwel trimestru tal‑2017 meta mqabbel ma' tnaqqis fuq l‑istess perjodu tal‑2016, minħabba żieda fid‑dħul minflok fl‑infiq. Meta mkejjel abbażi ta' moving sum fuq erba' trimestri, il‑gvern ġenerali rreġistra bilanċ pożittiv ta' 2.1% tal‑PDG, żieda minn 1.0% fir‑raba' trimestu tal‑2016. Id‑dejn tal‑gvern ġenerali bħala sehem tal‑PDG kien fil‑livell ta' 59.0% fl‑aħħar ta' Marzu 2017.

Ir‑Rivista tippreżenta ħarsa ġenerali lejn id‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja meħuda mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Il‑Kunsill żamm ix‑xejra akkomodattiva tiegħu tal‑politika monetarja matul il‑perjodu kopert. Il‑Kunsill ikkonferma li r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE ser jibqgħu f'livelli baxxi għal perjodu estiż ta' żmien, u li l‑programm tiegħu tax‑xiri ta' assi (APP) hu mistenni li jkompli sal‑aħħar ta' Diċembru 2017, jew lil hinn, jekk ikun meħtieġ. Il‑Kunsill Governattiv ukoll ifakkar li x‑xiri nett ser isir flimkien ma' investiment mill‑ġdid tal‑pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw u mixtrija taħt il‑programm.

It‑tielet ħarġa tar‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur għall‑2017 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

 

 

 

 

Lura lejn l-Arkivju