News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

02/05/2017

Ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2016

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kif ippubblika r‑Rapport Annwali tiegħu għas‑sena 2016. Ir‑Rapport jagħti ħarsa lejn il‑politika u l‑operat tal‑Bank matul is‑sena u jinkludi rapporti finanzjarji fid‑dettall. L‑istqarrija tal‑Gvernatur hi segwita minn analiżi tal‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u lil hinn minnha, u kif ukoll analiżi dwar l‑operat tal‑Bank. Ir‑Rapport jinkludi wkoll artikli dwar ir‑rabtiet finanzjarji settorjali u l‑prezzijiet tad‑djar f'Malta. Barra minn hekk, ir‑Rapport jinkludi wkoll valutazzjoni tal‑kontribut tal‑esportazzjoni netta għal tkabbir ekonomiku fl‑aħħar snin u l‑fatturi li qed iwasslu għal ċaqliq minn defiċit għal bilanċ pożittiv fuq il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti ta' Malta.

Ir‑Rapport  jinnota li l‑ekonomija Maltija kompliet tikber b'mod b'saħħtu matul l‑2016, u testendi r‑ritmu qawwi ta' attività rreġistrata fl‑aħħar snin. Il‑PDG reali kiber b'5% matul is‑sena koperta, primarjament minħabba l‑esportazzjoni netta. Id‑domanda domestika wkoll sostniet it‑tkabbir, għalkemm il‑kontribut tagħha kien żgħir meta mqabbel ma' dak tal‑kummerċ barrani. Id‑data skont is‑settur turi li l‑attività fis‑servizzi baqgħet l‑istimolu ewlieni għat‑tkabbir ekonomiku, b'kontribut iżgħar li jirriżulta mis‑settur tal‑manifattura. B'kuntrast għal dan, l‑attività fil‑kostruzzjoni naqset bi ftit minħabba żviluppi fil-qasam mhux residenzjali.

Għalkemm ir‑ritmu tat‑tkabbir fil‑PDG immodera meta mqabbel mal‑2015, il‑PDG baqa' f'livell ħafna ogħla minn dak irreġistrat fiż‑żona tal‑euro. L‑aħħar tbassir tal‑Bank li ġie konkluż f'Novembru, jissuġġerixxi li wara tliet snin ta' tkabbir b'saħħtu ħafna, ir‑ritmu tal‑attività hu mistenni li jbatti għal madwar 4% fl‑2017 u fl‑2018.

Ir‑ritmu b'saħħtu tat‑tkabbir ekonomiku ġie rifless fis‑suq tax‑xogħol. L‑impjiegi komplew jiżdiedu filwaqt li l‑qgħad naqas u laħaq livell baxx storiku ġdid. Id‑data tal‑Labour Force Survey (LFS) turi li l‑impjiegi żdiedu b'rata annwali medja ta' 2.8% fl‑ewwel disa' xhur tal‑2016. Iż‑żieda fin‑numru tal‑impjiegi seħħet minħabba l‑impjiegi full‑time, li żdiedu b'6,160 f'termini assoluti. Il‑ħaddiema żdiedu bi 2.2% primarjament minħabba żieda qawwija fir‑rati tal‑parteċipazzjoni tan‑nisa, għalkemm ir‑rati tal‑parteċipazzjoni tal‑irġiel żdiedu wkoll. Minkejja ż‑żidiet fin-numru ta' ħaddiema, ir‑rata tal‑qgħad kompliet ix‑xejra tagħha 'l isfel u niżlet għal 4.9%. Id‑data ta' Jobsplus tindika wkoll il‑kundizzjonijiet favorevoli tas‑suq tax‑xogħol, bin‑numru medju ta' nies qiegħda rreġistrati matul l‑2016 kollha kemm hi jonqos kważi b'terz fuq l‑2015.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fil‑prezzijiet, ir‑Rapport jinnota li r‑rata annwali medja tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) immoderat għal 0.9% fl‑2016 minn 1.2% fl‑2015. Din il‑moderazzjoni seħħet minħabba tkabbir b'ritmu inqas mgħaġġel fil‑prezzijiet għal servizzi. Għalkemm il‑prezzijiet f'Malta kienu pjuttost stabbli meta mqabbla ma' xejriet storiċi, l‑inflazzjoni HICP kienet ogħla minn dik fiż‑żona tal‑euro, li kienet f'medja ta' 0.2% matul is‑sena. Skont it‑tbassir tal‑Bank, l‑inflazzjoni HICP f'Malta hi mistennija li tirpilja għal 1.9% sal‑2019. 

Id‑depożiti tar‑residenti f'Malta komplew jiżdiedu, għalkemm ir‑rata taż‑żieda battiet meta mqabbla mal‑2015. Il‑livell baxx tar‑rati tal‑imgħax ikkontribwixxa għal aktar ċaqliq lejn id‑depożiti overnight. It‑tkabbir fil‑kreditu lil residenti f'Malta batta fl‑2016, b'din il‑moderazzjoni sseħħ minħabba tkabbir b'ritmu inqas mgħaġġel fil‑kreditu lill‑gvern ġenerali. Sadattant, ir‑rati tal‑imgħax fuq depożiti u self lil residenti f'Malta komplew jonqsu, kif għamlu wkoll il‑yields fuq bills tat‑Teżor u bonds tal‑gvern.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali fit‑tielet trimestru tal‑2016, il‑bilanċ tal‑gvern ġenerali rreġistra bilanċ pożittiv ta' 0.6% meta mkejjel fuq bażi ta' moving sum fuq erba' trimestri, titjib sinifikanti meta mqabbel ma' defiċit ta' 1.3% fl‑2015. Dan it‑titjib fil‑bilanċ tal‑gvern kien attribwit l‑aktar għal tnaqqis fl‑infiq kapitali u żieda fid‑dħul kurrenti. Il‑proporzjon tad‑dejn tal‑gvern għall‑PDG naqas b'0.9 punt perċentwali għal 59.7%. Dan it‑tnaqqis seħħ minħabba żviluppi pożittivi fil‑bilanċ primarju. Tkabbir ekonomiku b'saħħtu wkoll ikkontribwixxa, hekk kif ir‑rata' ta' tkabbir fil‑PDG qabżet ir‑rata effettiva ta' imgħax imħallsa mill‑gvern fuq is‑self tiegħu.

Matul l‑2016, il‑Bank kompla jimplimenta l‑orjentament tal‑politika monetarja tal‑Eurosistema f'Malta, permezz tal‑faċilitajiet permanenti, operazzjonijiet regolari għall‑provvediment ta' likwidità u l‑Programm ta' Xiri mingħand is‑Settur Pubbliku (PSPP). Minħabba likwidità għolja, l‑istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti f'Malta żiedu l‑livell ta' fondi eċċessivi miżmuma f'faċilitajiet overnight mal‑Bank u naqqsu l‑parteċipazzjoni fl‑operazzjonijiet regolari għall‑provvediment ta' likwidità. Permezz tal‑PSPP, il‑Bank xtara madwar €700 miljun f'titoli tal‑gvern Malti sal‑aħħar tal‑2016.

Il‑PSPP ikkontribwixxa għal aktar tkabbir fil‑karta tal‑bilanċ tal‑Bank, bl‑assi totali jilħqu l‑€5.5 biljun sal‑aħħar tal‑2016, żieda minn €4.5 biljun tnax‑il xahar qabel. Ix‑xenarju ta' imgħax baxx kompla jinfluwenza d-dħul nett mill‑imgħax, li naqas bi ftit fuq is‑sena ta' qabel. Madankollu, il‑qligħ mill‑operat qabel it‑trasferimenti għal provvedimenti u riżervi tela' bi ftit għal €76.4 miljun, minn €75.0 miljun fl‑2015. Il‑Bank żied €20.0 miljun mal‑provvedimenti tiegħu u €6.4 miljun mar‑riżervi, u dan ħalla ammont mhux mibdul ta' €50.0 miljun pagabbli lill‑Gvern ta' Malta.

Bħala parti mill‑mandat tiegħu sabiex tiġi żgurata l‑istabbiltà finanzjarja, il‑Bank kompla jissorvelja s‑saħħa tas‑sistema finanzjarja, jivvaluta r‑riskji sistemiċi u l‑iżbilanċi, u jifformula rakkomandazzjonijiet relevanti ta' politika. Il‑Bank baqa' wkoll attiv fil‑Bord Konġunt dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja, li jgħaqqad flimkien uffiċjali għolja mill‑Bank u mill‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta. Sar xogħol estensiv fuq il‑kwalità tal‑assi tal‑banek sabiex jindirizza kwistjonijiet relatati ma' self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (non‑performing loans). Il‑Bank nieda wkoll Reġistru Ċentrali tal‑Kreditu li jinkludi informazzjoni granulari dwar kreditu bankarju lill‑individwi u kumpaniji, u flimkien mal‑Ministeru għall‑Finanzi, għamel xogħol ta' tħejjija fuq leġiżlazzjoni tal‑UE marbuta mas‑settur finanzjarju qabel il‑Presidenza Maltija tal‑Kunsill tal‑UE.

Il‑Bank saħħaħ ukoll l‑isforzi tiegħu sabiex jissorvelja u jivvaluta l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u lil hinn minnha, inkluż permezz ta' tisħiħ fil‑kuntatt dirett ma' kumpaniji kbar u entitajiet mis‑settur pubbliku. Il‑pubblikazzjonijiet ekonomiċi tal‑Bank ġew eżaminati bir‑reqqa u riveduti, u aktar prominenza qed tingħata lir‑riċerka. Ġabra ta' studji dwar l‑ekonomija Maltija ġiet imnedija waqt simpożju internazzjonali dwar il‑pajjiżi żgħar fiż‑żona tal‑euro, li l‑Bank ospita f'Ġunju.

Sadattant, il‑Bank kompla għaddej bil‑programm tiegħu ta' investiment kapitali, li inkluda titjib fl‑infrastruttura tal‑IT f'diversi dipartimenti u xogħlijiet fuq binja ġdida li ser tospita l‑Librerija, faċilitajiet għall‑konferenzi, uffiċċji u data centre.

Ir‑Rapport Annwali għall‑2016 jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta www.centralbankmalta.org.

Annual Report 2016

 

Lura lejn l-Arkivju