News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

18/12/2014

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – it-Tielet Ħarġa tal-2014

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t‑tielet ħarġa tar‑Rivista tiegħu ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2014, li tirrapporta dwar l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul it‑tieni trimestru tal‑2014, filwaqt li tikkummenta wkoll dwar żviluppi fix‑xhur ta' wara. Ir‑Rivista fiha wkoll numru ta' analiżi li jiffokaw fuq il‑miżuri għall‑inflazzjoni prinċipali f'Malta, il‑komponent fiskali tal‑mudell makroekonometriku tal‑Bank, u l‑impatt statistiku tas‑Sistema Ewropea tal‑Kontabilità (ESA) 2010 fuq data ekonomika u finanzjarja.

Ir‑Rivista tinnota li l‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) żamm politika monetarja akkomodattiva matul it‑tieni nofs tal‑2014. F'Settembru, il‑BĊE naqqas ir‑rati ewlenin tal‑imgħax tiegħu, bir‑rata tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament titnaqqas għal 0.05%, filwaqt li r‑rati fuq il‑faċilità ta' self marġinali u l‑faċilità ta' depożitu tnaqqsu għal 0.30% u ‑0.20%, rispettivament. Dawn id‑deċiżjonijiet irriflettew il‑prospetti ta' inflazzjoni baxxa persistenti, it‑telf fl-ispinta tal‑irkupru ekonomiku fiż‑żona tal‑euro, u d‑dinamika dgħajfa u kontinwa tal‑flus u l‑kreditu.

Dan l‑orjentament akkomodattiv ġie msaħħaħ b'aktar miżuri straordinarji. B'hekk tħabbru żewġ programmi ġodda li jinvolvu x‑xiri ta' titoli ddenominati fl‑euro, maħruġa mir‑residenti taż‑żona tal‑euro taħt żewġ programmi speċifiċi. Il‑BĊE beda jimplementa wkoll l‑operazzjonijiet ta' rifinanzjament speċifiċi fuq żmien itwal li ġew imħabbra f'Ġunju.

Ir‑Rivista tosserva li t‑tkabbir ekonomiku globali baqa' dgħajjef fit‑tieni trimestru tal‑2014, kif kien il‑każ ukoll fiż‑żona tal‑euro, fejn it‑tkabbir fil‑prodott domestiku gross (PDG) naqas għal 0.1% biss fit‑tieni trimestru, minn 0.3% fit‑tieni trimestru. It‑tkabbir fiż‑żona tal‑euro seħħ l‑aktar minħabba l‑konsum privat u tal‑gvern hekk kif naqas l‑investiment. Sadattant, l‑esportazzjoni netta għamlet biss kontribut pożittiv żgħir għat‑tkabbir.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) baqgħet imrażżna matul il‑perjodu kopert. F'Ġunju, baqgħet prattikament l‑istess meta mqabbla ma' Marzu, jiġifieri 0.5%, filwaqt li sa Settembru kienet niżlet għal 0.3%.

Skont it‑tbassir ippubblikat mill‑istaff tal‑BĊE f'Settembru, it‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali fiż‑żona tal‑euro kien mistenni li jsir pożittiv u jilħaq il‑livell ta' 0.9% fl‑2014. Imbagħad kien mistenni li jaċċellera għal 1.6% fl‑2015 u 1.9% fl‑2016. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni kienet mistennija li tinżel għal 0.6% fl‑2014, qabel ma titla' għal 1.1% u 1.4% fl‑2015 u fl‑2016, rispettivament.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi ekonomiċi domestiċi, l‑ekonomija Maltija kompliet tikber, bil‑PDG f'termini reali jiżdied bi 2.6% f'termini annwali fit‑trimestru ta' Ġunju. It‑tkabbir seħħ l‑aktar minħabba d‑domanda domestika, partikolarment il‑konsum tal‑gvern u tal-privat. L‑esportazzjoni netta kellha impatt iktar limitat.

Ir‑Rivista tinkludi wkoll suppliment fuq żviluppi fil‑PDG fit‑tielet trimestru tal‑2014. F'termini annwali, it‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali aċċellera għal 3.8%, l‑aktar minħabba żviluppi fil‑konsum privat u tal‑gvern.

L‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsumatur naqset sostanzjalment fit‑tieni trimestru tal‑2014. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑HICP niżlet għal 0.7% f'Ġunju minn 1.4% f'Marzu, l‑aktar minħabba żviluppi fil‑prezzijiet tal‑enerġija u tal‑ikel. Sa Settembru, l‑inflazzjoni kompliet tonqos għal 0.6%.

L‑impjiegi komplew jiżdiedu fit‑tieni trimestru tal‑2014, bil‑Labour Force Survey (LFS) juri żieda ta' 1.2% fuq is‑sena ta' qabel, wara żieda ta' 1.9% fil‑perjodu tat‑tliet xhur ta' qabel. Fit‑tieni trimestru, ir‑rata tal‑qgħad skont l‑LFS naqset meta mqabbla mat‑trimestru preċedenti, u kienet 5.8%.

Fis‑settur barrani, il‑bilanċ favorevoli fuq il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti rreġistrat fit‑tieni trimestru tal‑2014 żdied fuq sena qabel. Dan kien riżultat ta' tnaqqis fil‑ħruġ nett relatat mal‑introjtu, u titjib fil‑bilanċ pożittiv fuq prodotti u servizzi. Fis‑sena sa Ġunju, il‑bilanċ favorevoli fil‑kont kurrenti kien 5.3% tal‑PDG.

L‑iżviluppi monetarji kienu kkaratterizzati minn żieda sostanzjali fid‑depożiti tar‑residenti. F'Settembru, dawn kibru bi 12.9% mis‑sena ta' qabel, pass aktar mgħaġġel mir‑rata ta' 10.3% rreġistrata f'Ġunju. Sadattant, il‑kreditu mogħti lir‑residenti f'Malta naqas b'pass aktar mgħaġġel matul it‑tielet trimestru, l‑aktar minħabba tkabbir iktar dgħajjef fil‑kreditu lill‑gvern ġenerali, kif ukoll tnaqqis aktar qawwi fil‑kreditu lil residenti oħra.

Fis‑swieq finanzjarji domestiċi, kien hemm tnaqqis fil-yields fuq titoli tal‑gvern. Fl-aħħar ta' Settembru, ir‑rati tal‑imgħax fis‑suq sekondarju fuq bills tat‑Teżor b'perjodu ta' maturità ta' tliet xhur, fuq bonds b'perjodu ta' maturità ta' ħames snin u ta' għaxar snin naqsu għal 0.09%, 1.00% u 2.26%, rispettivament. Sadattant, l‑indiċi tal‑ishma fuq il‑Borża ta' Malta żdied bi ftit.

Fl‑analiżi tas‑sitwazzjoni fiskali, ir‑Rivista tinnota li fit‑tieni trimestru tal‑2014, id‑defiċit tal‑gvern ġenerali żdied fuq sena qabel, hekk kif l‑infiq żdied aktar mid‑dħul. Ir‑Rivista tirreferi wkoll għall‑miri fiskali uffiċjali ppreżentati fil‑Baġit 2015, li jipprevedu li l‑proporzjon tad‑defiċit għall‑2014 se jinżel għal 2.1% u l‑proporzjon tad‑dejn jitla' għal 70.1%. Fl‑2015 huma mistennija li jkomplu jinżlu għal 1.6% u 69.0% rispettivament.

Ir‑Rivista tippreżenta wkoll it‑tbassir ekonomiku l‑aktar riċenti tal‑Bank, li kien komplut f'Novembru. It‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali hu mistenni li jaċċellera minn 2.5% fl‑2013 għal 3.0% fl‑2014, qabel ma jbatti għal 2.8% fl‑2015. It‑tkabbir hu mistenni li jseħħ minħabba d‑domanda domestika. L‑inflazzjoni HICP hi mistennija li tbatti minn 1.0% fl‑2013 għal 0.8% fl‑2014, qabel ma taċċellera għal 1.3% fl‑2015. Ir‑riskji għat‑tbassir tal‑inflazzjoni u t‑tkabbir jidhru li huma bbilanċjati.

B'referenza għas‑sistema finanzjarja Maltija, ir‑Rivista tinnota li din baqgħet b'saħħitha, kif rifless f'aktar tisħiħ tar‑riżervi tal‑core domestic banks fit‑tieni trimestru tal‑2014. Il‑livelli ta' likwidità baqgħu tajbin ħafna, u d‑depożiti tar‑residenti komplew jiżdiedu. F'dan ir‑rigward, l‑evalwazzjoni komprensiva tal‑banek li saret mill‑BĊE ma identifikat l-ebda nuqqas ta' kapital għat‑tliet banek parteċipanti li joperaw f'Malta. Minħabba l‑pożizzjoni b'saħħitha tal‑banek, ir‑Rivista tosserva li jista' jkun hemm skop għal żieda fis‑self lis‑settur privat li ssostni l‑espansjoni ekonomika.

It‑tielet ħarġa tar‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur għall‑2014 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta www.centralbankmalta.org.

Lura lejn l-Arkivju