News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014
26/10/2014 12:30:00
Riżultati ta’ Evalwazzjoni Komprensiva
Il‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ippubblika r‑riżultati tal‑eżerċizzju ta' evalwazzjoni komprensiva li sar fuq mija u tletin bank li jinsabu f'dsatax‑il Stat Membru li jipparteċipaw fil‑Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). L‑eżerċizzju tmexxa mill‑BĊE flimkien mal‑awtoritajiet kompetenti nazzjonali responsabbli għas‑superviżjoni bankarja f'dawn l‑Istati Membri, u involva wkoll l‑Awtorità Bankarja Ewropea (EBA).
L‑evalwazzjoni komprensiva kienet tikkonsisti f'żewġ komponenti, jiġifieri analiżi tal‑kwalità tal‑assi (AQR) fuq il‑bażi ta' metodoloġija mfassla u ppubblikata mill‑BĊE, u stress test li segwa metodoloġija mfassla u ppubblikata milll‑EBA. L‑evalwazzjoni komprensiva tmexxiet fuq tliet banek liċenzjati mill‑Awtorità tas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA). Dawn kienu l‑Bank of Valletta plc, l‑HSBC Bank Malta plc, u d‑Deutsche Bank (Malta) Ltd. L‑għażla ta' dawn il‑banek saret abbażi ta' kriterji li ġew deċiżi u ppubblikati mill‑BĊE.
L‑evalwazzjoni komprensiva ma identifikat l-ebda nuqqas ta' kapital, kemm f'xenarji normali u negattivi, għall‑Bank of Valletta plc, l‑HSBC Bank Malta plc, u għad‑Deutsche Bank (Malta) Ltd.
Ir‑riżultati kkonfermaw is‑solidità u r-reżiljenza ta' kull wieħed minn dawn it‑tliet banek hekk kif il‑proporzjon tal‑Kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni (CET1) ta' kull wieħed minn dawn il‑banek baqa' ogħla mil‑livell minimu ta' 8% wara l‑AQR. Bl‑istess mod, ir‑riżultati tal‑istress test taħt ix‑xenarji negattivi, li inkluda wkoll l‑impatt sħiħ tal‑AQR, juru li sal‑2016 il‑proporzjon tal‑kapital tas‑CET1 għal kull wieħed minn dawn it‑tliet banek baqa' ferm ogħla mil‑livell minimu stabbilit ta' 5.5%, bil‑Bank of Valletta plc u l‑HSBC Bank Malta plc jirreġistraw proporzjon tal‑kapital tas‑CET1 ta' 8.9%, filwaqt li dak tad‑Deutsche Bank (Malta) Ltd kien fil‑livell ta' 138.8%.
Ir‑riżultati tal‑evalwazzjoni komprensiva għall‑Bank of Valletta plc, l‑HSBC Malta plc u għad‑Deutsche Bank (Malta) Ltd jistgħu jiġu aċċessati permezz tas‑siti elettroniċi tal‑Bank Ċentrali ta' Malta u tal‑Awtorità tas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta, rispettivament.
Aktar informazzjoni dwar l‑evalwazzjoni komprensiva u r‑riżultati kollha tal‑mija u tletin bank sinifikanti li jipparteċipaw fl‑MSU tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑BĊE.
Evalwazzjoni komprensiva tal-BĊE
Lura lejn l-Arkivju