News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

12/09/2014

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – it-Tieni Ħarġa tal-2014

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t‑tieni ħarġa tar‑Rivista tiegħu ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2014, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul l‑ewwel trimestru tal‑2014, u taċċenna dwar aktar żviluppi fix‑xhur ta' wara. Ir‑Rivista tinkludi wkoll tliet rapporti analitiċi qosra dwar żviluppi fil‑qgħad strutturali ta' Malta, il‑bilanċ fiskali aġġustat għall‑fatturi ċikliċi, u l‑komunikazzjoni tal‑inċertezza fir‑rigward tat‑tbassir dwar l‑inflazzjoni.  

Ir‑Rivista tinnota li l‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) batta l‑orjentament tal‑politika monetarja matul il‑perjodu kopert abbażi ta' xenarju ta' inflazzjoni baxxa b'mod persistenti, ritmu dgħajjef ta' tkabbir fiż‑żona tal‑euro u trażżin fid‑dinamika tal‑flus u l‑kreditu.

F'Ġunju, il‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE naqqas ir‑rata tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament (MRO) b'għaxar punti bażi għal 0.15%. Ir‑rati fuq il‑faċilità ta' self marġinali u fuq il‑faċilità ta' depożitu tnaqqsu wkoll għal 0.40% u ‑0.10% rispettivament, b'din tal‑aħħar issir negattiva għall‑ewwel darba.

Sadattant, l‑Eurosistema kompliet issaħħaħ il‑pakkett tagħha ta' miżuri straordinarji permezz tal‑introduzzjoni tal‑operazzjonijiet ta' rifinanzjament speċifiċi fuq żmien itwal (TLTROs) b'terminu ta' erba' snin b'rati fissi tal‑imgħax.

F'Settembru, il‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE ħabbar aktar tnaqqis fir‑rati billi naqqas it‑tliet rati ewlenin tal‑imgħax b'għaxar punti bażi, u b'hekk ir‑rata tal‑MRO naqset għal 0.05%. Il‑Kunsill Governattiv ħabbar ukoll li l‑Eurosistema ser tibda tixtri titoli garantiti b'assi u bonds garantiti maħruġa mis‑settur privat mhux finanzjarju, sabiex issostni l‑provvediment ta' likwidità lill‑ekonomija.

Ir‑Rivista tinnota li t‑tkabbir totali fl‑ekonomiji globali baqa' mrażżan fl‑ewwel trimestru tal‑2014. Ir‑Renju Unit u l‑Ġappun irrapportaw tkabbir sod fl‑ekonomiji tagħhom, filwaqt li l‑ekonomija tal‑Istati Uniti battiet fuq bażi trimestrali. L‑attività ekonomika fl‑ekonomiji emerġenti ddgħajfet b'mod ġenerali minħabba tnaqqis fl‑attività ekonomika fiċ‑Ċina. Sadattant, il‑pressjonijiet inflazzjonarji globali baqgħu moderati.

L‑ekonomija fiż‑żona tal‑euro kompliet tirkupra bil‑mod matul l‑ewwel trimestru tal‑2014, bil‑prodott domestiku gross (PDG) f'termini reali jiżdied b'0.2% fuq bażi trimestrali minħabba żieda fid‑domanda domestika. Madankollu, fit‑tieni trimestru, stima preliminari tal‑Eurostat indikat li t‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali kien stabbli meta mqabbel mal‑ewwel tliet xhur tas‑sena.

F'termini tal‑inflazzjoni, ir‑rata annwali bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) niżlet għal 0.5% f'Marzu, minn 0.8% tliet xhur qabel. Dan irrifletta l‑aktar l‑iżviluppi fil‑prezzijiet tal‑ikel u tal‑enerġija. Il‑pressjonijiet fuq il‑prezzijiet baqgħu mrażżnin fit‑tieni trimestru tal‑2014, bir‑rata annwali tibqa' 0.5% f'Ġunju.

Skont it‑tbassir makroekonomiku tal‑Eurosistema ppubblikat f'Ġunju, it‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali fiż‑żona tal‑euro kien mistenni li jiżdied għal 1.0% fl‑2014 u jkompli jirpilja għal 1.7% u 1.8% fl‑2015 u fl‑2016, rispettivament. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni kienet mistennija li tbatti għal 0.7% fl‑2014, qabel ma titla' għal 1.1% fl‑2015 u 1.4% fl‑2016.

L‑attività ekonomika f'Malta żdiedet b'pass aktar mgħaġġel matul l‑ewwel trimestru tal‑2014, bil‑PDG f'termini reali jiżdied bi 3.5% f'termini annwali. Dan it‑tkabbir seħħ primarjament minħabba d‑domanda domestika, partikolarment l‑investiment, filwaqt li l‑esportazzjoni netta kkontribwixxiet biss bi ftit.

Ir‑Rivista tinkludi aktar informazzjoni dwar żviluppi fil‑PDG fit‑tieni trimestru tal‑2014. B'hekk, filwaqt li l‑attività ekonomika f'dan il‑perjodu baqgħet b'saħħitha, ir‑rata annwali tat‑tkabbir tal‑PDG immoderat għal 2.9%.

Il‑pressjonijiet fuq il‑prezzijiet f'Malta komplew jirpiljaw iżda baqgħu baxxi. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑HICP telgħet għal 1.4% f'Marzu, minn 1.0% f'Diċembru, minħabba żviluppi fil‑prezzijiet tas‑servizzi, tal‑enerġija u tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija. Sa Ġunju, l‑inflazzjoni battiet għal 0.7%, parzjalment minħabba l‑impatt tat‑tariffi aktar baxxi tal‑elettriku introdotti f'April.

L‑impjiegi komplew jiżdiedu fl‑ewwel trimestru tal‑2014, bil‑Labour Force Survey (LFS) juri żieda ta' 1.9% fuq sena qabel, wara żieda ta' 2.8% fit‑trimestru ta' qabel. Ir‑rata tal‑qgħad skont l‑LFS kienet 6.0%, l‑istess rata meta mqabbla ma' sena qabel, iżda inqas minn dik tat‑trimestru ta' qabel.

Fis‑settur barrani, l‑iżbilanċ fil‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti naqas matul l‑ewwel trimestru, imqabbel mal‑istess perjodu sena qabel. Dan irriżulta minn tnaqqis fil‑ħruġ nett fuq il‑kont tal‑introjtu, għalkemm żieda fil‑bilanċ favorevoli fuq il‑komponent tas‑servizzi kkontribwixxiet ukoll. Flimkien, dawn l‑iżviluppi għelbu żieda fl‑iżbilanċ fil‑kont tal‑kummerċ tal‑merkanzija u tnaqqis fid‑dħul nett fuq trasferimenti kurrenti. Fis‑sena sa Marzu 2014, il‑kont kurrenti rreġistra bilanċ favorevoli ekwivalenti għal 1.6% tal‑PDG.

Matul it‑tieni trimestru tal‑2014, l‑iżviluppi monetarji kienu kkaratterizzati b'aktar żidiet fid‑depożiti ta' residenti f'Malta ma' banek lokali. Dawn seħħew minħabba d‑depożiti overnight u d‑depożiti li jintrabtu sa sentejn. Sadattant, il‑kreditu mogħti lil residenti f'Malta, li kien batta fit‑trimestru ta' qabel, żdied b'pass aktar mgħaġġel.

Fis‑swieq finanzjarji domestiċi, naqsu l‑yields fuq bills tat‑Teżor b'perjodu ta' maturità ta' tliet xhur, kif ukoll il‑yields fuq bonds tal‑gvern b'perjodu ta' maturità ta' ħames snin u ta' għaxar snin. Matul it‑tieni trimestru, l‑indiċi tal‑ishma fuq il‑Borża ta' Malta kompla jonqos u niżel bi 3.7%.

Rigward l‑aspett fiskali, ir‑Rivista tosserva li fl‑ewwel trimestru tal‑2014, id‑defiċit tal‑gvern ġenerali żdied fuq sena qabel, hekk kif l‑infiq żdied aktar mid‑dħul. Imkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, id‑defiċit żdied għal 3.1% tal‑PDG fl‑aħħar ta' Marzu. Fl‑istess waqt, id‑dejn tal‑gvern ġenerali żdied għal 75.3% tal‑PDG minn 74.4% sena qabel.

Rigward kwistjonijiet ta' politika, ir‑Rivista tinnota li l‑politika fiskali qed tibqa' orjentata lejn il‑kisba tal‑miri tal‑baġit għal din is‑sena, u tiżgura l‑konformità mar‑Rakkomandazzjonijiet relevanti tal‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea skont il‑Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. F'dan ir‑rigward, l‑approvazzjoni riċenti mill‑Parlament tal‑Att dwar ir‑Responsabbiltà Fiskali hija żvilupp pożittiv, għaliex l‑Att isaħħaħ id‑dixxiplina fiskali.

Rigward l‑istabbiltà finanzjarja, ir‑Rivista tenfasizza l‑prestazzjoni sodisfaċenti tas‑sistema finanzjarja Maltija fl‑ewwel trimestru tal‑2014, kif riflessa fil‑capital adequacy ratios b'saħħithom tal‑core domestic banks, il‑livelli tajbin ħafna ta' likwidità u t‑tkabbir kontinwu fid‑depożiti tar‑residenti f'Malta. Madankollu, ir‑Rivista tinnota li aktar sforzi huma meħtieġa sabiex jiddiversifikaw is‑sorsi tal‑finanzjament, jiżdiedu l‑provvedimenti u jissaħħaħ il‑kapital. Jista' jkun hemm ukoll skop għal żidiet fis‑self lis‑settur privat, speċjalment minħabba l‑pożizzjoni relattivament b'saħħitha tal‑banek u d‑disponibbiltà ta' finanzjament b'termini favorevoli mill‑Eurosistema.

It‑tieni ħarġa tar‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur għall‑2014 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta www.centralbankmalta.org.

 

Lura lejn l-Arkivju