News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014
20/06/2014
Ir‑Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – l‑Ewwel Ħarġa tal‑2014
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑ewwel ħarġa tar‑Rivista tiegħu ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2014, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul ir‑raba' trimestru tal‑2013, filwaqt li tikkummenta dwar aktar żviluppi fix‑xhur ta' wara. Ir‑Rivista tinkludi wkoll artiklu dwar it‑trażmissjoni minn tibdil fir‑rati tal‑imgħax uffiċjali għal rati ta' imgħax tal-banek kummerċjali fuq self u depożiti f'Malta. Dan l‑artiklu juri li hemm trażmissjoni f'Malta relattivament baxxa meta mqabbla ma' pajjiżi oħra fiż‑żona tal‑euro.
Ir‑Rivista tirrapporta dwar deċiżjonijiet riċenti tal‑politika monetarja meħuda mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Il‑Kunsill żamm xejra prudenti tal‑politika monetarja matul l‑aħħar trimestru tal‑2013 u fl‑ewwel nofs tal‑2014. Sadattant, l‑Eurosistema kompliet timplimenta miżuri straordinarji bil‑għan li jsostnu l‑mekkaniżmu tat‑trażmissjoni għall‑politika monetarja.
F'Novembru 2013, il‑Kunsill afferma mill‑ġdid l‑indikazzjonijiet tiegħu għall‑ġejjieni u naqqas ir‑rati ewlenin tal‑imgħax. Ir‑rata fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament (MRO) tnaqqset għal 0.25%, filwaqt li r‑rata fuq is‑self marġinali tnaqqset għal 0.75%. Ir‑rata fuq il‑faċilità ta' depożitu ma nbidlitx u baqgħet 0.00%. Din id‑deċiżjoni rriflettiet pressjonijiet dgħajfa fuq il‑prezzijiet fiż‑żona tal‑euro fuq iż‑żmien medju, u trażżin fid‑dinamika tal‑flus u l‑kreditu.
Il‑Kunsill Governattiv adotta pakkett ta' miżuri tal‑politika monetarja f'Ġunju 2014 bil‑għan li jressqu l‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro iktar qrib it‑2%, filwaqt li jappoġġjaw is‑self fiż‑żona tal‑euro. Ir‑rata tal‑MRO tnaqqset għal 0.15%, filwaqt li r‑rati fuq il‑faċilità ta' self marġinali u fuq il‑faċilità ta' depożitu tnaqqsu għal 0.40% u ‑0.10% rispettivament, b'din tal‑aħħar issir negattiva għall‑ewwel darba. Il‑Kunsill Governattiv introduċa wkoll operazzjonijiet speċifiċi fuq żmien itwal b'terminu ta' erba' snin b'rati fissi tal‑imgħax, u ħabbar li se jintensifika l‑preparamenti għal xiri definittiv fis‑suq għal titoli garantiti b'assi.
Ir‑Rivista tinnota li matul l‑aħħar trimestru tal‑2013, it‑tkabbir ekonomiku globali għal darb'oħra kien imsaħħaħ mill‑ekonomiji avvanzati, immexxija primarjament mill‑Istati Uniti u mir‑Renju Unit. L-attività ekonomika fl‑ekonomiji emerġenti mmoderat b'mod ġenerali, filwaqt li l‑pressjonijiet inflazzjonarji globali baqgħu mrażżna.
Fiż‑żona tal‑euro, l‑ekonomija kompliet tikber b'pass moderat fl‑aħħar trimestru tal‑2013, bil‑prodott domestiku gross (PDG) f'termini reali jiżdied b'0.2% fuq bażi trimestrali, wara żieda ta' 0.1% fit‑tielet trimestru. It‑tkabbir seħħ minħabba l‑esportazzjoni netta li pattiet għal tnaqqis fid‑domanda domestika.
Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) niżlet għal 0.8% f'Diċembru, minn 1.1% f'Settembru. Il‑pressjonijiet fuq il‑prezzijiet komplew ibattu matul l‑ewwel xhur tal‑2014, bir‑rata annwali tal‑inflazzjoni tkompli tonqos għal 0.5% f'Marzu qabel ma telgħet għal 0.7% f'April.
Skont it‑tbassir tal‑istaff tal‑BĊE ppubblikat f'Marzu 2014, il‑PDG f'termini reali fiż‑żona tal‑euro hu mistenni li jiżdied b'1.2% fl‑2014, u jirpilja għal 1.5% fl‑2015 u 1.8% fl‑2016. Ir‑rata tal‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro hi mistennija li tbatti għal 1.0% fl‑2014, qabel ma taċċellera gradwalment għal 1.3% fl‑2015 u 1.5% fl‑2016.
Fir‑rigward tal‑iżviluppi tal‑ekonomija domestika, l‑ekonomija Maltija kibret bi 2.2% f'termini annwali matul l‑aħħar trimestru tal‑2013, wara li kibret bi 2.3% fit‑trimestru ta' qabel. It‑tkabbir seħħ l‑aktar minħabba d‑domanda domestika, hekk kif l‑esportazzjoni netta għamlet kontribut negattiv.
Ir‑Rivista tinkludi wkoll suppliment fuq żviluppi fil‑PDG fl‑ewwel trimestru tal‑2014. F'termini annwali, it‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali aċċellera għal 3.5%. Din iż‑żieda rriflettiet l‑aktar l‑iżviluppi fil‑konsum u l‑investiment tal‑gvern.
L‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsumatur irpiljat fl‑aħħar trimestru tal‑2013 u fl‑ewwel trimestru tal‑2014, għalkemm minn livelli baxxi. Ir‑rata tal‑inflazzjoni HICP telgħet għal 1.0% f'Diċembru minn 0.6% f'Settembru, minħabba żidiet fil‑prezzijiet tas‑servizzi, tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija u tal‑ikel ipproċessat. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni kompliet taċċellera għal 1.4% f'Marzu qabel ma niżlet għal 0.5% f'April, parzjalment minħabba l‑impatt ta' tnaqqis fit‑tariffi tal‑enerġija għall‑konsumaturi.
Skont il‑Labour Force Survey (LFS), l‑impjiegi żdiedu bi 2.8% fir-raba' trimestru tal‑2013, wara żieda ta' 3.1% fit‑trimestru ta' qabel. Id‑data tal‑Korporazzjoni tax‑Xogħol u t‑Taħriġ tindika wkoll żieda qawwija fin‑numru tal‑ħaddiema. Sadattant, ir‑rata tal‑qgħad skont l‑LFS kienet 6.4%, 0.3 ta' punt perċentwali inqas meta mqabbla mat‑trimestru ta' qabel, u 0.1 ta' punt perċentwali inqas minn sena qabel.
Fis‑settur barrani, matul l‑aħħar trimestru tal‑2013, il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti rreġistra żbilanċ, imqabbel ma' bilanċ favorevoli fl-istess perjodu tal‑2012. Dan seħħ minħabba żieda fl‑iżbilanċ fil‑kont tal‑kummerċ tal‑merkanzija u żieda fil‑ħruġ nett fuq il‑kont tal‑introjtu. Sadattant, id-dħul nett fuq trasferimenti kurrenti żdied, filwaqt li l‑bilanċ favorevoli fuq il‑kont tas‑servizzi baqa' l‑istess b'mod ġenerali. Matul is‑sena kollha kemm hi, il‑bilanċ favorevoli fil‑kont kurrenti kien 1.4% tal‑PDG, kontra 2.0% fl‑2012.
L‑iżviluppi monetarji matul l‑ewwel trimestru tal‑2014 kienu kkaratterizzati minn aktar tkabbir fid‑depożiti u tkabbir tal‑kreditu b'pass anqas mgħaġġel. Ir‑rata tat‑tkabbir annwali tad‑depożiti miżmuma minn residenti f'Malta ma' banek residenti telgħet għal 10.3% f'Marzu 2014 minn 9.1% tliet xhur qabel. Fl‑istess waqt, ir‑rata tat‑tkabbir annwali tal‑kreditu lir‑residenti battiet għal 0.9% f'Marzu 2014 minn 1.4% f'Diċembru 2013.
Fl‑ewwel trimestru tal‑2014 naqsu l‑yields fuq bills tat‑Teżor b'perjodu ta' maturità ta' tliet xhur. Fis‑suq kapitali, il‑yields fuq bonds tal‑gvern b'perjodu ta' maturità ta' ħames snin baqgħu stabbli, filwaqt li naqsu dawk fuq bonds b'perjodu ta' maturità ta' għaxar snin. L‑indiċi tal‑ishma tal‑Borża ta' Malta ddgħajjef għal 3,424.0 fl‑aħħar ta' Marzu.
Fl‑analiżi tas‑sitwazzjoni fiskali, ir‑Rivista tinnota li fir-raba' trimestru tal‑2013, il‑gvern ġenerali rreġistra bilanċ favorevoli meta mqabbel ma' defiċit sena qabel, hekk kif id‑dħul żdied aktar mill‑infiq. Għas‑sena 2013 kollha kemm hi, il‑proporzjon tad‑defiċit għall‑PDG naqas għal 2.8% minn 3.3% fl‑2012. Id‑dejn tal‑gvern ġenerali bħala perċentwal tal‑PDG niżel minn 76.1% fl‑aħħar ta' Settembru għal 73.0% fl‑aħħar ta' Diċembru. Madankollu, il‑proporzjon tad‑dejn tela' bi 2.2 punti perċentwali, imqabbel mal‑pożizzjoni fi tmiem l‑2012.
Ir‑Rivista tippreżenta wkoll it‑tbassir ekonomiku l‑aktar riċenti tal‑Bank, li kien komplut f'Mejju 2014. It‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali hu mistenni li jimmodera minn 2.4% fl‑2013 għal 2.3% fl‑2014, qabel ma jaċċellera għal 2.6% fl‑2015. It‑tkabbir hu mistenni li jseħħ minħabba d‑domanda domestika, partikolarment il‑konsum u l‑investiment privat. Ir‑rata medja tal‑inflazzjoni HICP hi mistennija li tiżdied marġinalment minn 1.0% fl‑2013 għal 1.1% fl‑2014, qabel ma tkompli tirpilja għal 1.7% fl‑2015. Ir‑riskji għat‑tbassir tat‑tkabbir ekonomiku huma bilanċjati, filwaqt li dawk rigward l‑inflazzjoni għandhom xejra li jkunu iktar baxxi.
Mill‑perspettiva ta' politika ekonomika, waqt li jilqa' t‑tnaqqis fil‑proporzjon tad‑defiċit għall‑PDG għal inqas minn 3%, il‑Bank jinnota li hemm bżonn ta' aktar miżuri biex il‑Gvern jagħmel progress lejn proporzjon tad‑dejn aktar baxx, u sabiex itejjeb is‑sostenibbiltà fuq żmien twil tal‑finanzi pubbliċi.
Is‑sistema finanzjarja Maltija kompliet taħdem b'mod sodisfaċenti fit‑tieni nofs tal‑2013. Id‑dħul nett tal-Banek mill-imgħax baqa' b'saħħtu u dan jirrifletti parzjalment il‑livell relattivament għoli tar‑rati għas‑self, partikolarment dawk mitluba lil negozji żgħar. Fl‑istess waqt, madankollu, it‑tkabbir fil‑kreditu lis‑settur privat sar wieħed negattiv. Għalkemm it‑tnaqqis fil‑kreditu lis‑settur tal‑kostruzzjoni hu fattur ewlieni, il‑kreditu lil kumpaniji f'setturi oħra naqas ukoll. Meta wieħed jikkunsidra s‑saħħa tajba tal‑banek, jista' jkun hemm skop għal tnaqqis fir‑rati tal‑banek għas‑self sabiex tistimola d‑domanda għall‑kreditu u tingħata spinta għal iżjed investiment u attività ekonomika. Infatti, bank ewlieni naqqas ir-rata bażi tiegħu għas-self għan-negozju b'0.15%, wara t-tnaqqis tar-rata tal-MRO b'0.10% mill-BĊE. L-istess bank ħabbar ukoll li r-rata tal-imgħax għat-tfaddil se titnaqqas b'0.05%.
L‑ewwel ħarġa tar‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur għall‑2014 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, www.centralbankmalta.org.
Lura lejn l-Arkivju