News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014
14/05/2014
Ħruġ ta’ munita numiżmatika tal-fidda u bolla tal-fidda
L-Erbgħa 14 ta' Mejju 2014, il-Bank Ċentrali ta' Malta u l-MaltaPost flimkien ħarġu prodott li jikkonsisti f'munita numiżmatika tal-fidda u bolla tal-fidda, b'tifkira tal-50 anniversarju mill-Indipendenza ta' Malta. Dan il-prodott jirrappreżenta wkoll il-bidu ta' relazzjoni ta' ħidma bejn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-promozzjoni u l-bejgħ tal-muniti numiżmatiċi u kommemorattivi tal-Bank.
Fid‑diskors tiegħu, il‑Professur Josef Bonnici, Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, qabbel l‑impenn li għandhom iż‑żewġ istituzzjonijiet biex ifakkru avvenimenti u personalitajiet nazzjonali. Il‑Professur Bonnici tkellem dwar it‑trasformazzjoni ekonomika li ġabet magħha l‑Indipendenza, mhux l‑inqas il‑ħolqien ta' bank ċentrali. Il‑Gvernatur żied jgħid li mill‑Indipendenza 'l hawn, il‑prodott domestiku gross per capita tela' mill‑ekwivalenti ta' €534 fl‑1964 għal €7,186 fl‑2013, żieda ta' aktar minn tlettax‑il darba, filwaqt li l‑popolazzjoni żdiedet b'aktar minn 100,000 matul l‑istess perjodu. Dan jenfasizza l‑industrijalizzazzjoni u l‑iżvilupp mgħaġġel tal‑ekonomija Maltija mill‑avveniment kostituzzjonali tal‑Indipendenza 'l hawn.
Matul l-avveniment li sar fil-Bank, il-Professur Oliver Friggieri tkellem dwar is-sinifikat storiku, kostituzzjonali u soċjali tal-Indipendenza ta' Malta, u l-kontribut u r-rabta importanti tagħha mal-avvenimenti li seħħew fis-snin ta' wara, prinċipalment id-dikjarazzjoni tar-Repubblika fl-1974; it-tmiem tal-Ftehim tal-Faċilitajiet Militari fl-1979 (magħruf ukoll bħala Jum il-Ħelsien); u s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004.
Is-Sur Joseph Said, Chairman tal-MaltaPost, tkellem dwar is-sinifikat tal-prodott u l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet.
Is-sett se jkun għall-bejgħ mill-Bank Ċentrali ta' Malta u mill-fergħat tal-MaltaPost mill-15 ta' Mejju 2014. Aktar informazzjoni dwar dan is-sett u dwar prodotti numiżmatiċi oħra tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank www.centralbankmalta.org.
Lura lejn l-Arkivju