News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014
08/04/2014
Ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2013
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kif ippubblika r‑Rapport Annwali tiegħu għas‑sena 2013. Ir‑Rapport jagħti ħarsa lejn il‑politika u l‑operat tal‑Bank matul is‑sena u jinkludi rapporti finanzjarji fid‑dettall. Ir‑Rapport jiftaħ bi stqarrija mill‑Gvernatur u jkompli b'analiżi tal‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u lil hinn minnha. Ir‑Rapport jinkludi wkoll silta dwar l‑istima tal‑Bank ta' dħul disponibbli tal‑individwi.
L‑istqarrija tal‑Gvernatur: messaġġi ewlenin tal-politika ekonomika
Fl‑istqarrija tiegħu l‑Gvernatur jinnota li għalkemm l‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro hija inqas mill‑għan tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li tinżamm taħt iżda qrib 2%, m'hemmx sinjal ta' deflazzjoni. Il‑bidliet riċenti fil‑prezzijiet kienu pożittivi fiż‑żona kollha tal‑euro ħlief fi tliet pajjiżi, li jfisser li t‑tnaqqis fil‑prezzijiet ma kienx mifrux. Barra minn hekk, it‑tnaqqis fil‑prezzijiet kien irreġistrat biss fi proporzjon żgħir tal‑komponenti tal‑basket HICP. Barra dan, m'hemmx sinjali li hija mistennija inflazzjoni baxxa, hekk kif l-aspettattivi fit-tul dwar l-inflazzjoni baqgħu ankrati sew.
Sabiex jiġu indirizzati l‑iżbilanċi ekonomiċi u jiġu implimentati r‑riformi strutturali, diversi pajjiżi fiż‑żona tal‑euro rreġistraw tnaqqis fil‑pagi nominali. L‑ispejjeż għal kull unità tax‑xogħol (ULCs) f'dawn il‑pajjiżi battew u qorbu aktar lejn dawk ta' pajjiżi aktar produttivi.
It‑titjib fil‑kompetittività ta' pajjiżi f'diffikultajiet ekonomiċi jista' jkun ta' sfida għall‑ekonomija Maltija. Il‑Gvernatur saħaq li huwa essenzjali li żieda fil‑pagi f'Malta tkun sostnuta b'titjib fil‑produttività. Hemm bżonn li Malta tibqa' flessibbli fil‑ħolqien ta' swieq speċjalizzati ġodda. Hemm bżonn li l‑kwalità tal‑kapital uman tilħaq ir‑rekwiżiti tas‑swieq domestiċi u tal‑esportazzjoni li qed jinbidlu, u li timplika li s‑sistema edukattiva għandha tipprovdi l‑ħiliet meħtieġa. Hemm bżonn ukoll li l‑awtoritajiet jestendu programmi li jattiraw l‑investiment barrani lejn Malta u jtejbu l‑ambjent kummerċjali. Il‑Gvernatur jargumenta li miżuri konkreti huma essenzjali sabiex jitnaqqas il‑proporzjon tad‑dejn għal‑livell ta' 60%, hekk kif spazju għall‑manuvrar fiskali huwa serjament limitat.
Fir‑rigward tas‑settur bankarju Malti, il‑Gvernatur jinnota li dan ikkontribwixxa b'mod sinifikanti biex l-ekonomija lokali tkun tiflaħ għall-iskossi esterni u l-allinjament mal‑grupp ta' ekonomiji aktar b'saħħithom fiż‑żona tal‑euro. F'termini ta' solidità tal‑banek tagħha, Malta kklassifikat fl‑erbatax‑il post fid‑dinja skont il‑World Economic Forum. Il‑proporzjon tal-adegwatezza tal‑kapital tal‑banek Maltin baqa' ferm ogħla mill-minimu regolatorju ta' 8%, filwaqt li l‑proporzjonijiet ta' solvenza huma, fuq medja, konsiderevolment ogħla mill‑medja tal‑UE. Il‑likwidità tas‑settur bankarju hi tajba ħafna. Is‑settur bankarju Malti hu profittabbli, bil‑core domestic banks jirrapportaw qligħ fuq ishma u assi li huwa aħjar mill‑medja tal‑UE. Rigward il-finanzjament, il‑banek Maltin baqgħu jiddependu minn sorsi stabbli.
Rigward l‑iżviluppi fl‑assi, filwaqt li żdied il‑kreditu lill‑individwi fuq sena qabel, il‑kreditu aggregat lis‑settur privat naqas fl‑2013, parzjalment minħabba deleveraging ordinata tas‑settur korporattiv. Fl‑istess waqt, ir‑rati tal‑imgħax fuq is‑self lis‑settur kummerċjali baqgħu għoljin meta mqabbla ma' pajjiżi oħra fiż‑żona tal‑euro. Jidher li hemm skop għal aktar tnaqqis fir‑rati, partikolarment dawk relatati mal‑intrapriżi żgħar u medji (SMEs), sabiex ikunu aktar konformi mar‑rati prinċipali tal‑pajjiż. F'dan ir‑rigward, il‑Gvernatur jenfasizza li t‑twaqqif eventwali ta' bank għall‑iżvilupp jipprovdi aktar aċċess għall‑iffinanzjar u jista' jikkomplimenta l‑finanzjament tal‑banek għal proġetti akbar.
Żviluppi ekonomiċi u finanzjarji
Rigward l‑ekonomija globali, ir‑Rapport josserva li l‑irkuprar baqa' mrażżan u divrenzjali bejn il‑pajjiżi u r‑reġjuni, għalkemm qed jissaħħaħ gradwalment f'ekonomiji avvanzati. Fiż‑żona tal‑euro kien hemm sinjali ta' titjib hekk kif bdiet dieħla s‑sena, bit‑tnaqqis tal‑PDG f'termini reali fil‑livell ta' 0.5% fl‑2013, inqas minn dak irreġistrat fl‑2012, meta naqas b'0.7%. L‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro kienet ukoll iktar baxxa fil‑livell ta' 0.8% fl‑aħħar tas‑sena 2013, imqabbla ma' 2.2% sena qabel.
Matul l‑2013, il‑BĊE naqqas ir‑rati ewlenin tal‑imgħax f'żewġ okkażjonijiet, jiġifieri f'Mejju u f'Novembru. F'kull każ, ir‑rata tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament (MROs) naqset b'25 punt bażi sabiex sal-aħħar tas‑sena kienet fl‑iżjed livell storikament baxx ta' 0.25%. Ir‑rati tnaqqsu fi sfond ta' dgħufija ekonomika u trażżin fid‑dinamika monetarja u tas‑self, kif ukoll pressjonijiet baxxi fuq il‑prezzijiet fuq iż‑żmien medju. F'Lulju l‑BĊE introduċa indikazzjonijiet għall‑ġejjieni fejn ħabbar li kien mistenni li r‑rati ewlenin tal‑imgħax jibqgħu fil‑livell attwali jew aktar baxx fuq perjodu estiż ta' żmien. L‑Eurosistema kompliet ukoll timplimenta miżuri tal‑politika monetarja straordinarji.
L‑ekonomija Maltija kompliet tkun aktar effiċjenti mill‑medja taż‑żona tal‑euro, fejn it‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali aċċellera għal 2.4% fl‑2013, minn 0.6% sena qabel. Id‑domanda domestika rkuprat, iżda tnaqqis fl‑esportazzjoni netta dgħajjef it‑tkabbir ekonomiku. Għall‑2014, il‑Bank ibassar li r-rata tal‑espansjoni ekonomika se tibqa' sostnuta minħabba aktar irkuprar fid‑domanda domestika u kontribut negattiv ħafna inqas tal‑esportazzjoni netta.
Matul l‑2013, l‑impjiegi f'Malta kienu f'medja ta' 3.1% aktar minn sena qabel. Madankollu, minħabba li l‑provvista tal‑ħaddiema żdiedet b'pass aktar mgħaġġel, ir‑rata tal‑qgħad żdiedet bi ftit. F'termini ta' aġġustamenti għall‑effetti staġjonali, ir‑rata tal‑qgħad kienet f'medja ta' 6.5% fl‑2013, marġinalment ogħla minn dik irreġistrata fl‑2012.
Fir‑rigward tal‑iżviluppi fil‑prezzijiet, ir‑Rapport jinnota li r‑rata tal‑inflazzjoni f'Mallta bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) naqset għal medja ta' 1.0% matul is‑sena koperta, imqabbla ma' 3.2% fl‑2012. It‑tnaqqis fl‑inflazzjoni seħħ l‑aktar minħabba żviluppi fil‑prezzijiet tas‑servizzi.
Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, il‑Bank jistma li d‑defiċit tal‑gvern ġenerali għas‑sena kollha tal-2013 naqas għal 2.9% tal‑PDG, u mistenni li jistabbilizza f'dak il‑livell għall‑2014. Id‑dejn tal‑gvern hu stmat li żdied għal 71.3% tal‑PDG fl‑2013, u mistenni li jkompli jiżdied għal 71.8% fl‑2014.
L‑operat tal‑Bank
Fl‑analiżi tal‑operat tal‑Bank matul l‑2013, il‑Gvernatur jenfasizza l‑fatt li bħala membru fl‑Eurosistema u permezz tal‑parteċipazzjoni tal‑Gvernatur fil‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE, il‑Bank ikkontribwixxa b'mod effettiv fit‑tfassil ta' politika monetarja fiż‑żona tal‑euro.
Il‑Bank jibqa' responsabbli għall‑implimentazzjoni tal‑politika monetarja unika f'Malta. F'dan il‑kuntest, il‑Bank mexxa operazzjonijiet tas‑suq ma' banek eleġibbli li jiswew total ta' €23.7 biljun, aktar mid‑doppju tal‑ammont immexxi fl‑2012.
Matul is‑sena, il‑Bord Konġunt dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja (JFSB), imwaqqaf bejn il‑Bank u l‑Awtorità tas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), indirizza numru ta' kwistjonijiet ta' natura makro u mikroprudenzjali. Wieħed mir‑riżultati kienet l‑emenda għar‑regoli fuq il‑miżuri tar‑riskju marbut mal‑kreditu li rriżultat mill‑evalwazzjoni tal‑kwalità tal‑portafolji tal‑assi tal‑banek. Il‑banek huma issa obbligati li jallokaw ammont mill‑kapital għal riżerva, ugwali għal 2.5% tas‑self tagħhom li ma jrendix (NPL), inqas indebolimenti u interess fil‑kont provviżorju kif definit fl‑Istandards Internazzjonali tar‑Rapportar Finanzjarju. Għal ċertu self skadut li ma jrendix (NPL), ir‑rekwiżiti żdiedu għal 5% u jistgħu jkomplu jiżdiedu mill‑MFSA. B'dawn l‑emendi, id‑definizzjoni tas‑self li ma jrendix u moratorju hi konformi mad‑draft standards li għadhom kif ġew stabbiliti mill‑Awtorità Bankarja Ewropea.
Mar‑responsabbiltajiet miżjuda għall‑Bank, l‑istruttura ta' governanza ġiet modifikata, partikolarment fil‑qasam tal‑istabbiltà finanzjarja. Fl‑2013, l‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ġie emendat sabiex tiżdied pożizzjoni ta' Deputat Gvernatur li jiffoka partikolarment fuq l‑istabbiltà finanzjarja. L‑Att issa jipprovdi wkoll il‑qafas legali għat‑twaqqif tal‑JFSB.
L‑operat tal‑Bank fit‑TARGET2, is‑sistema ta' ħlas gross f'ħin reali taż-żona tal-euro, kompla jiżdied fl‑2013, imma l‑valur ta' flussi ta' pagament naqas b'mod sinifikanti, hekk kif tnaqqis fir‑rati tal‑imgħax naqqas l‑inċentiv għal kontropartijiet sabiex iżommu d‑depożiti overnight mal‑Bank.
Bir‑redditi jonqsu fis‑swieq finanzjarji matul l‑2013 u t‑titoli li jimmaturaw fil‑portafoll tal‑Bank jiġu investiti mill‑ġdid f'assi b'redditi iktar baxxi, il‑profitti annwali tal‑Bank, għalkemm ogħla mill‑medja għal dawn l‑aħħar għaxar snin, kienu anqas meta mqabblin mal‑livell irreġistrat fl‑2012. Il‑livell ta' profitt għall‑2013 (inklużi l‑provvedimenti) ammonta għal €66.7 miljun, imqabbel ma' €78.2 miljun fis‑sena ta' qabel.
Ir‑Rapport Annwali għall‑2013 jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta http://www.centralbankmalta.org.
Lura lejn l-Arkivju