News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014
01/04/2014
Id-dati tal-iskadenza tal-migrazzjoni tas-SEPA estiżi għal Malta
Ir‑Regolament (Nru 260/2012) dwar id‑data tal‑iskadenza tal‑migrazzjoni taż‑Żona Unika ta' Pagamenti f'Euro (SEPA) kien stabbilixxa l‑1 ta' Frar 2014 bħala d‑data ta' meta l‑iskemi nazzjonali ta' trasferiment ta' kreditu u debitu dirett fiż‑Żona tal‑Euro kellhom jieqfu joperaw u jiġu sostitwiti bl‑iskemi l‑ġodda tat‑Trasferimenti ta' Kreditu bis‑SEPA (SCTs) u tad‑Debiti Diretti bis‑SEPA (SDDs).
Minħabba l‑pass kajman tal‑migrazzjoni tal‑SCTs u tal‑SDDs irreġistrat f'numru ta' pajjiżi tal‑UE sal‑aħħar tal‑2013, il‑Parlament Ewropew, il‑Kummissjoni Ewropea u l‑Kunsill tal‑Ministri ddeċidew, fi Frar 2014, li jestendu l‑perjodu ta' migrazzjoni b'sitt xhur oħra, sabiex jiżguraw li jkun hemm konformità sħiħa u jitnaqqas ir‑riskju potenzjali ta' tfixkil fis‑suq.
Fid‑dawl ta' din l‑estensjoni, il‑Bank Ċentrali ta' Malta, bħala l‑awtorità kompetenti maħtura għas‑SEPA f'termini tar‑Regolament, iddeċieda, b'kollaborazzjoni mill‑qrib mal‑Assoċjazzjoni tal‑Bankiera Maltin, li jestendi lokalment id‑data tal‑iskadenza tal‑migrazzjoni tas‑SEPA għall‑SCTs bi tliet xhur sal‑1 ta' Mejju 2014, u b'sitt xhur għall‑SDDs sal‑1 ta' Awwissu 2014. Dawn il‑perjodi estiżi qed jingħataw fid‑dawl tal‑progress kontinwu li qed jiġi rreġistrat, fejn il‑migrazzjoni tal‑SCT nazzjonali u transfruntieri żdiedet minn konformità ta' 42% f'Diċembru 2013 għal 80% fi Frar, filwaqt li l‑migrazzjoni tal‑SDD żdiedet minn konformità ta' 46% f'Diċembru 2013 għal 75% fi Frar.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑Assoċjazzjoni tal‑Bankiera Maltin iħeġġu lill‑utenti tas‑servizzi tal‑pagament, bħall‑kumpaniji li jużaw payroll software għat‑trasferimenti ta' kreditu u l‑fornituri tas‑servizzi li jużaw id‑debiti diretti, sabiex iżommu l‑ispinta lejn il‑mira ta' 100% konformità mas‑SEPA fl‑iqsar żmien possibbli fi ħdan il‑perjodi ġodda ta' skadenza li għadhom kif ġew stabbiliti. Wara dawn id‑dati, it‑transazzjonijiet nazzjonali ta' kreditu dirett u ta' debitu dirett li mhumiex konformi mas‑SEPA mhux se jibqgħu jiġu aċċettati għall‑ipproċessar mill‑banek.
Lura lejn l-Arkivju