News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

21/02/2014

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – ir-Raba’ Ħarġa tal-2013

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika r‑raba' ħarġa tar‑Rivista tiegħu ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2013, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul it‑tielet trimestru tal‑2013 u tikkummenta dwar aktar żviluppi fix‑xhur ta' wara. Ir‑Rivista tinkludi wkoll artiklu dwar l‑istatistika tal‑kontijiet finanzjarji ta' Malta u tliet rapporti analitiċi qosra, li jidhru f'siltiet, dwar il‑prospetti fiskali tal‑Gvern għall‑2014, id‑domanda għall‑flus f'Malta u s‑supply side tal‑ekonomija Maltija.

Ir‑Rivista tinnota li l‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) naqqas għal darb'oħra r‑rati ewlenin tal‑imgħax matul ir‑raba' trimestru tal‑2013. F'Novembru, ir‑rata tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament (MRO) tnaqqset b'25 punt bażi għal 0.25%, filwaqt li r‑rata fuq il‑faċilità ta' self marġinali tnaqqset ukoll b'25 punt bażi għal 0.75%. Ir‑rata fuq il‑faċilità ta' depożitu ma nbidlitx u baqgħet 0.00%. Din id‑deċiżjoni ttieħdet minħabba indikazzjonijiet ta' aktar tnaqqis fil‑pressjonijiet fuq il‑prezzijiet fiż‑żona tal‑euro fuq iż‑żmien medju u ta' trażżin fid‑dinamika tal‑flus u l‑kreditu.

F'Diċembru 2013 u f'Jannar 2014, il‑Kunsill Governattiv ma bidilx ir‑rati ewlenin tal‑imgħax u aċċenna dwar l‑indikazzjonijiet tiegħu għall‑ġejjieni li r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE huma mistennija li jibqgħu fil‑livell attwali jew inqas għal perjodu estiż. L‑Eurosistema kompliet ukoll timplimenta miżuri bil‑għan li jsostnu l‑mekkaniżmu tat‑trasmissjoni għall‑politika monetarja.

Ir‑Rivista tinnota li t‑tkabbir fl‑ekonomiji industrijalizzati ewlenin barra ż‑żona tal‑euro kompla jirkupra matul it‑tielet trimestru tal‑2013. Sadattant, l‑iżviluppi fl‑ekonomiji emerġenti ewlenin tad‑dinja kienu mħallta. Il‑pressjonijiet inflazzjonarji globali baqgħu moderati.

Matul it‑tielet trimestru tal‑2013, l‑attività ekonomika fiż‑żona tal‑euro kompliet tirkupra b'mod moderat, bil‑prodott domestiku gross (PDG) f'termini reali jiżdied b'0.1% fuq bażi trimestrali. Iż‑żieda rriflettiet kontribut pożittiv mid‑domanda domestika. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) battiet għal 1.1% f'Settembru u kompliet tonqos għal 0.8% f'Diċembru.

Skont it‑tbassir tal‑istaff tal‑Eurosistema, ippubblikat f'Diċembru 2013, il‑PDG f'termini reali fiż‑żona tal‑euro hu mistenni li jkun naqas b'0.4% fis‑sena 2013 kollha kemm hi, imma mistenni li jiżdied b'1.1% u b'1.5% fl‑2014 u fl‑2015, rispettivament. Ir‑rata tal‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro hi mistennija li tonqos minn 1.4% fl‑2013 għal 1.1% fl‑2014, qabel ma titla' għal 1.3% fl‑2015.

L‑ekonomija Maltija kibret b'1.9% f'termini annwali matul it‑tielet trimestru tal‑2013, wara li kibret bi 3.3% fit‑trimestru ta' qabel. It‑tkabbir seħħ l‑aktar minħabba d‑domanda domestika, hekk kif l‑esportazzjoni netta żdiedet biss bi ftit. Il‑pressjonijiet fuq il‑prezzijiet f'Malta kienu mrażżna, bl‑inflazzjoni HICP fil‑livell ta' 0.6% f'Settembru, l‑istess rata meta mqabbla ma' dik ta' Ġunju. Il‑prezzijiet tal‑ikel żdiedu b'pass inqas mgħaġġel, u pattew għal tnaqqis anqas mgħaġġel tal‑prezzijiet tal‑enerġija u tas‑servizzi. Fl‑aħħar trimestru tas‑sena, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑HICP żdiedet għal 1.0%.

L‑impjiegi komplew jiżdiedu fit‑tielet trimestru tal‑2013, bil‑Labour Force Survey (LFS) juri żieda annwali ta' 3.1%, aktar mit‑3.0% rreġistrata fit‑tieni trimestru. Ir‑rata tal‑qgħad skont l‑LFS kienet 6.7%, l‑istess rata meta mqabbla mat‑trimestru ta' qabel iżda xi ftit ogħla minn dik tas‑sena ta' qabel.

Matul it‑tielet trimestru, il‑bilanċ favorevoli fuq il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti żdied bi ftit meta mqabbel mal‑istess perjodu sena qabel. Dan kien kompletament riżultat ta' żbilanċ iżgħar fil‑kont tal‑kummerċ tal‑merkanzija. Imkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, il‑bilanċ tal‑kont kurrenti kien 2.5% tal‑PDG fis‑sena sa Settembru, tnaqqis ta' 0.6 punti perċentwali fuq l‑istess perjodu ta' sena qabel.

Matul ir‑raba' trimestru tal‑2013, id‑depożiti miżmuma minn residenti f'Malta żdiedu b'pass annwali aktar mgħaġġel, filwaqt li s‑self totali mogħti lilhom kompla jbatti. Sadattant, kien hemm tnaqqis fir‑redditi fuq il‑bills tat‑Teżor b'perjodu ta' maturità ta' tliet xhur. Naqsu wkoll ir‑redditi fuq bonds tal‑gvern b'perjodu ta' maturità ta' għaxar snin, filwaqt li kien hemm żieda fir‑redditi fuq bonds tal‑gvern b'perjodu ta' maturità ta' ħames snin. L‑indiċi tal‑ishma tal‑Borża ta' Malta żdied għas‑seba' trimestru konsekuttiv.

Rigward l‑aspett fiskali, ir‑Rivista tosserva li fit‑tielet trimestru tal‑2013, id‑defiċit tal‑gvern ġenerali żdied fuq bażi sena fuq sena, hekk kif l‑infiq żdied aktar mid‑dħul. Imkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, id‑defiċit kien 4.1% tal‑PDG f'Settembru, imqabbel ma' 3.6% f'Ġunju. Il‑proporzjon tad‑dejn għall‑PDG żdied ukoll minn 75.7% fl‑aħħar ta' Ġunju għal 76.6% fl‑aħħar ta' Settembru.

Minn perspettiva ta' politika ekonomika, ir‑Rivista tenfasizza li għandha tkun prijorità importanti din is‑sena li jintlaħqu l‑miri tal‑baġit. Huwa meħtieġ ukoll aktar titjib fil‑konsolidament fiskali sabiex jintlaħaq l‑għan fuq żmien medju ta' baġit bilanċjat u jitnaqqas sostanzjalment il‑proporzjon tad‑dejn. L‑isforzi biex jintlaħqu miri fiskali prudenti jkunu ffaċilitati b'rata sostenibbli ta' tkabbir ekonomiku. Dan jirrikjedi ekonomija kompetittiva li kapaċi żżomm is‑sehem tagħha fis‑swieq tal‑esportazzjoni. Dan jimplika li t‑tkabbir fil‑pagi jeħtieġ ikun konformi mal‑produttività u jridu jiġu segwiti riformi strutturali.

Il‑prestazzjoni pożittiva tas‑sistema finanzjarja Maltija matul l‑ewwel nofs tal‑2013 hi riflessa fil‑prestazzjoni tal‑profitt tal‑core domestic banks. Il‑likwidità baqgħet tajba ħafna, hekk kif id‑depożiti tagħhom komplew jiżdiedu. Madankollu, il‑kreditu lis‑settur privat kompla jonqos minħabba żviluppi fis‑self lil kumpaniji mhux finanzjarji. Meta wieħed jikkunsidra l‑livelli ta' profitabbiltà, ir‑Rivista tosserva li jista' jkun hemm xi skop għal tnaqqis tar‑rata tal‑banek għas‑self, b'reazzjoni għat‑tnaqqis riċenti fir‑rati tal‑imgħax uffiċjali. Dan jiffavorixxi t‑tkabbir tal‑kreditu u jagħti spinta lill‑attività ekonomika.

Ir‑raba' ħarġa tar‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur għall‑2013 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, www.centralbankmalta.org.

Lura lejn l-Arkivju