News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

17/01/2014

Simpożju u t-tnedija ta’ Programm għall-2014 dwar ħruġ ta’ muniti

Fis‑17 ta' Jannar 2014, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ospita simpożju fil‑bini tiegħu ġewwa l‑Belt Valletta sabiex jintroduċi l‑programm tiegħu għall‑2014 dwar ħruġ ta' muniti, u jqajjem kuxjenza pubblika rigward is‑sinifikat storiku u kulturali tal‑muniti li ser jinħadmu matul din is‑sena.

Il‑muniti li ser ikunu maħruġa mill‑Bank fl‑2014 huma dawn li ġejjin:

1. Munita numiżmatika tad‑deheb u l‑fidda maħruġa taħt l‑Europa Programme 2014 ‑ European Composers. Il‑muniti Maltin, li juru lill‑Maestro Charles Camilleri, ser joħorġu fi Frar 2014.

2. Munita numiżmatika tad‑deheb li hija riproduzzjoni tal‑munita zecchino li ċċirkolat f'Malta matul il‑ħakma tal‑Ordni ta' San Ġwann. Din il‑munita ser toħroġ f'Marzu 2014 taħt il‑programm "L‑Iżgħar Munita tad‑Deheb fid‑Dinja".

3. Munita numiżmatika tal‑fidda u tal-kupru-nikil (fi stoċċijiet ta' 25 munita) li tfakkar il‑mitt anniversarju tal-Ewwel Gwerra Dinjija u l‑irwol ta' Malta bħala "L‑Infermiera tal‑Mediterran". Din il‑munita ser toħroġ f'April 2014.

4. Sett tal‑muniti tal‑euro datat 2014 li fih it‑tmien muniti tal‑euro Maltin fiċ‑ċirkolazzjoni, munita kommemorattiva taż‑€2 li hija r‑raba' waħda minn serje ta' ħames muniti li jfakkru "Avvenimenti importanti fl‑Istorja Kostituzzjonali ta' Malta", u munita replika tal‑perjodu Għarbi. Dan is‑sett ser joħroġ f'Mejju 2014.

5. Munita numiżmatika tad‑deheb u l‑fidda li turi l‑faċċata tal‑Auberge d'Aragon, u hija r‑raba' waħda mis‑serje dwar il-bereġ tal‑Ordni ta' San Ġwann. Din il‑munita ser toħroġ f'Ġunju 2014.

6. Munita kommemorattiva taż‑€2 (fi stoċċijiet ta' 25 munita) ser toħroġ f'Lulju 2014, fl‑okkażjoni tal‑mitejn sena mit‑twaqqif tal‑Korp tal‑Pulizija ta' Malta.

7. Munita numiżmatika tal‑fidda, li tfakkar il‑ħamsin anniversarju ta' Malta bħala stat indipendenti, ser toħroġ f'Settembru 2014.

8. Munita kommemorattiva taż‑€2 mis-serje li tfakkar "Avvenimenti importanti fl‑Istorja Kostituzzjonali ta' Malta", u li għandha l‑iskrizzjoni "Independence, 1964", ser tinħareġ kemm f'verżjoni proof kif ukoll fi stoċċijiet ta' 25 munita. Din il‑munita ser toħroġ f'Ottubru 2014.

9. Munita numiżmatika tal‑fidda li tfakkar l‑erbgħin anniversarju minn meta Malta saret Repubblika, u li ser toħroġ f'Diċembru 2014.

Il‑panel tas‑simpożju, magħmul minn kelliema esperti fil‑qasam tagħhom, iddiskuta s‑sinifikat storiku tat‑temi li ser jidhru fuq il‑muniti li ser ikunu maħruġa mill‑Bank.

Is‑Sur Emmanuel Azzopardi, numiżmatist ewlieni minn familja ta' ġojjelliera, tkellem dwar il‑munita zecchino tad‑deheb li teħodna lura għall‑bidu tal‑ħakma tal‑Ordni ta' San Ġwann f'Malta fl‑1530.

Il‑Professur Denis De Lucca, id‑Direttur tal‑Istitut għall‑Istudji fil‑Barokk fl‑Università ta' Malta, ta preżentazzjoni dwar il‑faċċata tal‑Auberge d'Aragon li serviet bħala d‑dar għal‑Lingwa Spanjola ta' Aragona, Katalunja u Navarre.

Il‑Kummissarju tal‑Korp tal‑Pulizija, is‑Sur Peter Paul Zammit, tkellem dwar l‑istorja tal‑Pulizija u l‑bidliet ewlenin fil-Korp tal-Pulizija li seħħew sa mit‑twaqqif tiegħu fl‑1814.

Is‑Sur Anthony Zarb Dimech, magħruf għall‑pubblikazzjonijiet tiegħu dwar Malta matul il‑Gwerra l‑Kbira, fisser kif il‑gżira kisbet l‑isem ta' "L‑Infermiera tal‑Mediterran" matul l‑Ewwel Gwerra Dinjija.

Il‑Professur Henry J Frendo, id‑Direttur tal‑Istudji Maltin fl‑Università ta' Malta, iddiskuta l‑ħamsin anniversarju tal‑Independenza ta' Malta, u l‑erbgħin anniversarju mill‑bidla fl‑istat kostituzzjonali ta' Malta għal stat ta' Repubblika.

Fl‑aħħar nett, Dr Philip Ciantar, etnomużikologu ewlieni mill‑Università ta' Malta u koordinatur tal‑programm tal-mużikoloġija tal‑Istitut tal‑Istudji Maltin, ta ħarsa lejn l‑istil u l‑viżjoni mużikali distinti tal‑Mro Camilleri.

Is‑simpożju kien ippresedut mill‑Professur Henry J Frendo, li kien wieħed mill‑kelliema tal‑panel.

Fir‑rimarki tiegħu tal‑għeluq, il‑Professur Josef Bonnici, il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, irrefera għall‑avvenimenti fl‑istorja monetarja ta' Malta li seħħew wara l‑gwerra, inklużi t‑twaqqif tal‑Bank fl‑1968 u d‑dħul ta' Malta fiż‑żona tal‑euro fl‑2008. Il‑Gvernatur enfasizza li l‑prudenza u r‑responsabbiltà dejjem kienu l‑valuri ta' gwida fit‑tħaddim tal‑politika monetarja u tar‑rati tal‑kambju, li b'hekk ikkontribwixxew għall‑istabbiltà ekonomika ta' Malta. Il‑Professur Bonnici aċċenna wkoll dwar l‑impenn tal‑Bank lejn wirt numiżmatiku ta' Malta b'saħħtu.

Għal aktar dettalji dwar il‑programm tal‑Bank Ċentrali ta' Malta dwar ħruġ ta' muniti għall‑2014, irreferu għas‑sit elettroniku tal‑Bank www.centralbankmalta.org

Lura lejn l-Arkivju