News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

09/04/2013

Ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2012

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kif ippubblika r‑Rapport Annwali tiegħu għas‑sena 2012. Dan jagħti ħarsa lejn il‑politika u l‑operat tal‑Bank matul is‑sena kif ukoll ir‑riżultati finanzjarji fid‑dettall. Ir‑Rapport jiftaħ bl‑istqarrija tal‑Gvernatur u jkompli b'analiżi tal‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u lil hinn minnha.

Dwar is‑settur finanzjarju, ġie nnotat li f'Malta r‑rata tat‑tkabbir fil‑kreditu baqgħet pożittiva anke matul il‑kriżi, u qabżet bi proporzjon konsiderevoli r‑rata korrispondenti għaż‑żona tal‑euro bejn Diċembru 2007 u Diċembru 2012. Matul l‑2012, ir‑rata tat‑tkabbir fil‑kreditu f'Malta, eskluż il‑gvern, kienet 1.8%, imqabbla ma' tnaqqis ta' 1.1% fiż‑żona tal‑euro. Fuq in‑naħa tal‑obbligazzjonijiet, il‑banek Maltin komplew jagħmlu ftit użu mill‑finanzjament tal‑Eurosistema, u dan juri l‑assenza tal‑ħtieġa ta' finanzjament.

Is‑sistema bankarja Maltija hi maqsuma fi tliet gruppi distinti, skont il‑livell ta' rilevanza sistemika.

Filwaqt li l‑banek b'orjentazzjoni internazzjonali huma komponent kbir tas‑settur bankarju, dawn għandhom rabtiet minimi mal‑ekonomija lokali jew mal‑kumplament tas‑settur finanzjarju. Kollox ma' kollox, dan il‑grupp ta' banek huwa kkapitalizzat ħafna bi proporzjon vera għoli ta' kapital regolatorju għal assi stmati abbażi ta' riskju, u hu wkoll likwidu u profitabbli ħafna.

In‑non‑core domestic banks, li għandhom importanza sistemika moderata minħabba rabtiet limitati mal‑ekonomija, huma b'mod simili kkapitalizzati sew, likwidi u profitabbli.

Il‑core domestic banks, li għandhom l‑ogħla importanza sistemika, jiffinanzjaw lilhom infushom prinċipalment minn depożiti bl‑imnut lokali, u huma wkoll sorsi importanti ta' fondi għal min jissellef lokalment. Il‑profittabilità ta' dan il‑grupp hi riflessa fiż‑żieda fil‑qligħ fuq il‑kapital, minn 19.6% fl‑2011 għal 23.9% fl‑2012. Il‑livell għoli ta' profittabilità jipprovdi opportunitajiet għal aktar żidiet f'livelli ta' proviżjonijiet sabiex tissaħħaħ ir‑riserva tal‑banek, speċjalment dik relatata ma' self lil setturi partikolari, bħal dak tal‑kostruzzjoni b'orjentazzjoni kummerċjali. Għal dan il‑għan, il‑Gvernatur jaċċenna l‑importanza ta' politika prudenti ta' dividend.

Dan il‑grupp ta' banek hu kkapitalizzat sew, bi proporzjon ta' kapital regolatorju għal assi stmati abbażi ta' riskju li żdiedu minn 13.5% fl‑2011 għal 14.3% fl‑2012, ferm ogħla mill‑minimu ta' 8%. Qabel ma jiġu fis‑seħħ rekwiżiti regolatorji aktar stretti skont id‑Direttiva tar‑Rekwiżiti Kapitali IV, il‑banek għandhom jiġu mħeġġa sabiex ikabbru aktar ir‑riżervi ta' fondi proprji tagħhom u jekkwilibraw aħjar il‑maturità tal‑obbligazzjonijiet tagħhom ma' dik tal‑assi tagħhom.
Għas‑settur bankarju b'mod ġenerali, l‑indikaturi ewlenin huma pożittivi, fejn baqgħu juru livelli għoljin ta' kapaċità għall‑ħlas, profittabilità ogħla u żidiet fil‑likwidità. Il‑proporzjon tal‑kapital għal assi stmati abbażi ta' riskju għas‑sistema bankarja kollha kienet 53.3%, ħafna aktar mit‑8% meħtieġa. Il‑qligħ fuq assi u anke fuq kapital żdied fl‑2012. Barra minn hekk, il‑proporzjon ta' assi likwidi għal obbligazzjonijiet fuq żmien qasir kiber minn 49.6% fl‑2011 għal 55.6% fl‑2012, u dan jaqbeż sew il‑minimu ta' 30%, hekk kif hu meħtieġ f'Malta. Din l‑istampa pożittiva tas‑settur kollu tapplika tajjeb f'kull wieħed mit‑tliet komponenti, jiġifieri il‑core u n‑non‑core domestic banks u l‑banek internazzjonali.

Dwar il‑kwistjonijiet varji tas‑sistema bankarja, l‑istruttura regolatorja ssaħħet aktar bit‑twaqqif tal‑Bord Konġunt dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja f'Jannar 2013 li kien żvilupp istituzzjonali importanti. Dan il‑Bord twaqqaf mill‑Bank Ċentrali ta' Malta flimkien mal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn iż‑żewġ istituzzjonijiet għal dak li hu relatat ma' kwistjonijet makro u mikroprudenzjali.

Il‑Gvernatur jirreferi wkoll għall‑Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (SSM), li huwa mekkaniżmu superviżorju li jkopri l‑banek kummerċjali kollha fiż‑żona tal‑euro u se jibda jopera fl‑2014. L‑SSM se jkun magħmul minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l‑BĊE, u l‑MFSA se tkun l‑awtorità Maltija.

Fl‑istqarrija tiegħu, il‑Gvernatur jenfasizza l‑inċertezza li qed tkompli taffettwa x‑xejra ekonomika taż‑żona tal‑euro, għalkemm kien hemm tnaqqis fit‑tensjonijiet finanzjarji fit‑tieni parti tal‑2012. Il‑Gvernatur jinnota li n‑nuqqas fit‑trażmissjoni tal‑politika monetarja fiż‑żona tal‑euro wasslet għal diverġenzi finanzjarji u ekonomiċi fost il‑pajjiżi taż‑żona tal‑euro. B'hekk, wara li kiber b'1.4% fl‑2011, il‑prodott domestiku gross (PDG) f'termini reali fiż‑żona tal‑euro ċkien b'0.5% fl‑2012.

Fir‑rigward tal‑ekonomija Maltija, din kompliet tegħleb kondizzjonijiet negattivi fi swieq importanti tal‑esportazzjoni. B'riżultat ta' dan, l‑ekonomija kibret b'0.8% fl‑2012, tnaqqis minn 1.7% is‑sena ta' qabel. L‑ekonomija Maltija kellha t‑tielet l‑ogħla rata ta' tkabbir fost l‑Istati Membri taż‑żona tal‑euro fl‑2012, meta mqabbla ma' rata tat‑tkabbir negattiva ta' 0.5% fiż‑żona tal‑euro. Il‑Bank jikkalkula li f'Malta t‑tkabbir fil‑PDG fl‑2013 se jiżdied għal 1.4%.

Dwar l‑inflazzjoni, il‑Gvernatur jinnota li, fuq il‑bażi tal‑indiċi tal‑prezzijiet bl‑imnut, ir‑rata tal‑inflazzjoni hija mistennija li tonqos minn 2.4% fl‑2012 għal 2.0% fl‑2013.

Il‑Gvernatur juri t‑tħassib dwar il‑kompetittività tal‑ekonomija Maltija fuq żmien itwal. Jinnota li ħafna pajjiżi rrispondew għall‑iżbilanċi makroekonomiċi li ġew esposti minħabba l‑kriżi u dan għamluh billi introduċew riformi strutturali u miżuri għal konsolidament fiskali, filwaqt li impenjaw ruħhom fi żvalutazzjoni interna li involviet tnaqqis fil‑pagi u spejjeż oħra. Miżuri bħal dawn se jħallu dawn il‑pajjiżi f'pożizzjoni kompetittiva aktar b'saħħitha fl‑eventwalità ta' rkupru. Dan hu mistenni li jkun ta' sfida għall‑kompetittività ta' Malta.

Produttività ogħla biss tista' ssostni pagi u standards ta' ħajja ogħla. Għal dak il‑għan, il‑kwalità tal‑kapital uman għandu jaddatta għall‑bidliet meħtieġa tas‑suq domestiku u tas‑suq tal‑esportazzjoni. Barra minn hekk, hija importanti l‑prudenza dwar il‑kwistjoni tal‑iffissar tal‑paga minima minħabba li żidiet mhux ġustifikati fil‑paga minima fi Slovenia u f'Ċipru rriżultaw f'telfiet fil‑kompetittività u f'prospetti ta' impjieg aktar dgħajfa f'dawk il‑pajjiżi.

Dwar il‑finanzi tal‑gvern, il‑Bank jistenna li l‑proporzjon tad‑defiċit jinżel għal 2.6% fl‑2013, filwaqt li l‑proporzjon tad‑dejn huwa mistenni li jiżdied bi ftit għal 72.5%. Għalkemm il‑Gvern m'għaddiex minn diffikultajiet ta' finanzjament, huwa essenzjali li l‑proporzjon tad‑dejn jitniżżel għal‑livell ta' 60% b'mod intenzjonat, minħabba li fil‑livelli preżenti l‑ispazju għal flessibilità fiskali huwa limitat. Il‑prudenza fiskali tippromwovi wkoll is‑sostenibbiltà tal‑finanzjament tas‑settur pubbliku u tassigura konformità mar‑regoli fiskali l‑ġodda tal‑UE.

Il‑konsolidament fiskali għandu jkun integrat ma' titjib fl‑infrastruttura regolatorja, filwaqt li s‑sitwazzjoni ekonomika kurrenti titlob għal tisħiħ fl‑ambjent kummerċjali.

Il‑Gvernatur jappoġġa t‑twaqqif ta' bank għall‑iżvilupp jew għall‑promozzjoni f'Malta. Bank bħal dan jista' jtejjeb il‑kapaċità tas‑sistema finanzjarja biex tilħaq il‑bżonnijiet finanzjarji fuq żmien medju u fit‑tul. B'mod partikolari, bank għall‑iżvilupp jista' jkun strumentali biex jimmobilizza l‑likwidità għolja li tikkaretterizza s‑sistema finanzjarja b'mod aktar effettiv u jitħaddmu ċerti assi tal‑gvern b'mod effiċjenti. Il‑Bank jinkoraġixxi lill‑gvern biex jesplora l‑possibiltà li jiġi stabbilit bank għall‑iżvilupp. Din l‑istituzzjoni tista' sservi biex isir użu aħjar tal‑potenzjal finanzjarju li huwa disponibbli, sabiex tingħata spinta lill‑kompetittività u lit‑tkabbir ekonomiku, b'effett limitat fuq il‑finanzi tal‑gvern.

Fl‑analiżi tiegħu tal‑operat tal‑Bank matul l‑2012, il‑Gvernatur jaċċenna r‑responsabbiltajiet tal‑Bank fir‑rigward tat‑tfassil u tal‑implimentazzjoni tal‑politika monetarja fiż‑żona tal‑euro. F'dan il‑kuntest, hu jfakkar li l‑Bank mexxa operazzjonijiet tas‑suq ma' kontropartijiet eliġibbli f'Malta b'valur totali ta' €11.2 biljun.

Il‑Bank kompla jissorvelja s‑sistema finanzjarja domestika biex jidentifika riskji potenzjali li s‑sistema tista' tkun esposta għalihom.  F'dan ir‑rigward il‑Bank żamm kuntatt mill‑qrib mal‑MFSA u mal‑Ministeru tal‑Finanzi, l‑Ekonomija u l‑Investiment. Il‑Bank ipparteċipa wkoll fix‑xogħol tal‑Bord dwar ir‑Riskju Sistemiku Ewropew. Flimkien mal‑MFSA, il‑Bank kellu rwol importanti fl‑eżerċizzju ta' rikapitalizzazzjoni tal‑Awtorità Bankarja Ewropea, li ħa post l‑istress test fl‑2012. Il‑bank Malti li pparteċipa f'dan l‑eżerċizzju ssodisfa r‑rekwiżiti neċessarji tal‑eżerċizzju u qabeż sew il‑limitu tal‑kapital.

Il‑Bank ħareġ karti tal‑flus u muniti tal‑euro u kompla wkoll jirregola u jissorvelja s‑sistema ta' pagament u ta' saldu ta' titoli. Il‑Bank ipprovda diversi servizzi bankarji lill‑Gvern, lis‑settur pubbliku f'termini aktar wiesgħa u lill‑banek.

Il‑qligħ nett mill‑operat tal‑Bank fl‑2012 kien ta' €78.2 miljun, imqabbel ma' €52.5 miljun sena qabel. Ġiet stabbilita proviżjoni għall‑ewwel darba fl‑2012, fl‑ammont ta' €11.4 miljun. Flimkien ma' dan, ir‑riżervi ġew miżjuda b'€14.8 miljun, imqabbel ma' €10.5 miljun is‑sena ta' qabel. Fondi trasferiti lill‑Gvern żdiedu b'€10 miljun għal €52.0 miljun.

Ir-rapport annwali għall-2012 jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta http://www.centralbankmalta.org.

Lura lejn l-Arkivju