News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

06/02/2013

Simpożju - L-istorja tal-muniti u t-tnedija ta’ programm għall‑2013 dwar ħruġ ta’ muniti

Fl‑1 ta' Frar 2013, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ospita simpożju fil‑bini tiegħu ġewwa l‑Belt Valletta sabiex jintroduċi l‑programm tiegħu għall‑2013 dwar ħruġ ta' muniti, u jqajjem kuxjenza pubblika rigward is‑sinifikat storiku tal‑muniti li ser jinħadmu matul din is‑sena.

Il-muniti li ser ikunu maħruġa mill-Bank fl-2013 huma dawn li ġejjin:

  1. Munita numiżmatika tad-deheb u l-fidda maħruġa taħt l-Europa Programme 2013 bit-tema “Kittieba” li turi lil Dun Karm Psaila;
  2. Sett tal-muniti tal-euro datat 2013 li fih it-tmien muniti tal-euro Maltin fiċ-ċirkolazzjoni, munita kommemorattiva taż-€2 li hija t-tielet waħda minn serje ta’ ħames muniti li jfakkru avvenimenti importanti fl-istorja kostituzzjonali ta’ Malta” (ara aktar ’l isfel) u munita replika tal-perjodu Biżantin;
  3. Munita numiżmatika tad-deheb u l-fidda li turi l-faċċata tal-Auberge de Provence;
  4. Munita numiżmatika tal-fidda li turi lil Sir Paul Boffa;
  5. Munita kommemorattiva taż-€2 dwar l-istorja kostituzzjonali ta’ Malta u li għandha l-iskrizzjoni “Self Government – 1921” li ser tinħareġ kemm f’verżjoni proof kif ukoll fi stoċċijiet ta’ 25 munita;
  6. Munita numiżmatika tal-fidda li turi lill-Granmastru Emmanuel Pinto maħruġa taħt il-Programm Speċjali – Fabulous 15 Silver Collection;
  7. Munita numiżmatika tad-deheb – Picciolo – maħruġa taħt il-Programm “L-Iżgħar Munita tad-Deheb fid-Dinja”.

Il‑panel tas‑simpożju, magħmul minn kelliema esperti fil‑qasam tagħhom, iddiskuta s‑sinifikat storiku tat‑temi li ser jidhru fuq il‑muniti li ser ikunu maħruġa mill‑Bank.

Il‑Kav. Joseph C. Sammut, numiżmatist magħruf u awtur ta' kotba dwar l‑istorja tal‑muniti u tal‑flus, iffoka fuq il‑ħruġ ta' muniti fil‑perjodu meta l‑pajjiż kien taħt il‑ħakma tal‑Ordni ta' San Ġwann.

Dr Conrad Thake, perit tal‑ippjanar u għalliem fl‑Università b'interess speċjali fl‑istil barokk, ta espożizzjoni fuq l‑Auberge de Provence minn perspettiva storika, artistika u arkitettonika.

Il‑Professur Henry Frendo, storiku ewlieni, intraċċa l‑istorja tal‑kostituzzjoni Maltija li tat tmexxija awtonoma mill‑1921 sakemm ġiet irrevokata fl‑1936. Il‑Professur Frendo huwa d‑Direttur tal‑Istudji Maltin fl‑Università ta' Malta, u dan l‑aħħar ippubblika ktieb bl‑isem ta' 'Europe and Empire: Culture, Politics and Identity in Malta and the Mediterranean'.

Il‑Professur Oliver Friggieri, esponent ewlieni fl‑istudju tal‑litteratura u espert fuq il‑ħajja u x‑xogħlijiet ta' Dun Karm Psaila, iddiskuta l‑kontribut letterarju tal‑poeta nazzjonali u r‑rilevanza għal Malta u lil hinn minnha.

Finalment, is‑Sur Desmond Zammit Marmarà, edukatur, iddiskuta l‑kontribut ta' Sir Paul Boffa lill‑iżvilupp soċjali u politiku ta' Malta. Riċentement, is‑Sur Zammit Marmarà ppubblika bijografija ta' Sir Boffa f'għeluq il‑ħamsin sena mill‑mewt tiegħu fl‑2012.

Is‑simpożju kien ippresedut mill‑Professur Henry Frendo, li kien wieħed mill‑kelliema tal‑panel. Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali, il‑Professur Josef Bonnici, għalaq is‑simpożju billi tkellem dwar il‑ħruġ tal‑muniti tal‑Bank fl‑isfond tal‑funzjonijiet  aktar wiesgħa tal‑Bank Ċentrali, li jinkludu l‑istabbiltà tal‑prezzijiet kif ukoll dik finanzjarja, fil‑kuntest ukoll tar‑rwol tal‑Bank fl‑eurosistema.

Għal aktar dettalji dwar il-programm tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar ħruġ ta’ muniti għall-2013, irreferu għas-sit elettroniku tal-Bank www.centralbankmalta.org.

Lura lejn l-Arkivju