News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

25/01/2013

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta jistabbilixxu Bord Konġunt dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ffirmaw memorandum ta’ ftehim għat-twaqqif ta’ Bord Konġunt dwar l-Istabbiltà Finanzjarja (JFSB).

L-għan ta’ dan il-Bord huwa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn il-Bank u l-Awtorità biex tiġi fformulata politika makro-prudenzjali u li jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja f’Malta. Din il-politika għandha l-għan li ssaħħaħ it-titjib tas-sistema finanzjarja u tnaqqas l-akkumulazzjoni ta’ riskji sistemiċi, u b’hekk jiġi assigurat kontribut sostenibbli tas-settur finanzjarju għat-tkabbir ekonomiku.

Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-Bord għandu jkollu mandat wiesa’ li jinkludi:

  •  l-identifikar, is-sorveljanza u l-evalwazzjoni ta’ riskji għall-istabbiltà finanzjarja;
  •  l-għażla tal-istrumenti makro-prudenzjali li jtaffu dawn ir-riskji u t-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika;
  •  l-evalwazzjoni dwar jekk l-istrumenti makro-prudenzjali relevanti jistax ikollhom implikazzjonijiet transkonfinali;  
  •  it-tfassil ta’ stqarrijiet għall-istampa dwar deċizjonijiet ta’ politika makro-prudenzjali.

Il‑Bord ser janalizza kull kwistjoni ta' natura makro jew mikro‑prudenzjali li  tista' tħalli impatt fuq l‑istabbiltà finanzjarja lokali. Rakkomandazzjonijiet ta' natura makro‑prudenzjali ser jiġu kkunsidrati mill‑Bord tad‑Diretturi tal‑Bank Ċentrali ta' Malta biex jaddottahom, filwaqt li rakkomandazzjonijiet ta' natura mikro‑prudenzjali ser jiġu kkunsidrati mill‑Bord tal‑Gvernaturi tal‑MFSA biex jaddottahom.

Il‑Bord ser jassigura wkoll li r‑rakkomandazzjonijiet u l‑pariri maħruġa mill‑Bord Ewropew dwar ir‑Riskju Sistemiku (ESRB) jiġu osservati, u ser isegwi kwalunkwe kwistjoni oħra ta' natura makro‑prudenzjali li l‑awtoritajiet lokali jkunu jridu jikkomunikaw lill‑ESRB jew lil awtoritajiet internazzjonali jew lokali oħra skont il‑ħtieġa.

Il‑Bord ser ikun magħmul minn ħames membri, tliet uffiċjali għolja mill‑Bank Ċentrali ta' Malta u żewġ uffiċjali għolja mill‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta.  Il‑Bord ser ikun ippresedut mill‑Bank Ċentrali ta' Malta u għandu jiltaqa' minn tal‑inqas darba kull tliet xhur.

It‑twaqqif tal‑JFSB huwa konformi mar‑rakkomandazzjoni addottata mill‑ESRB f'Diċembru 2011 dwar il‑mandat makro‑prudenzjali tal‑awtoritajiet nazzjonali. Din ir‑rakkomandazzjoni (ESRB/2011/3) tipprovdi prinċipji ta' gwida fuq fatturi importanti li għandhom jitniżżlu f'mandati makro‑prudenzjali nazzjonali bħal pereżempju l‑għan ta' politika makro‑prudenzjali, l‑arranġamenti istituzzjonali fi ħdan l‑infrastruttura leġislattiva nazzjonali, ix‑xogħlijiet, il‑poteri u l‑istrumenti tal‑awtorità makro‑prudenzjali, kif ukoll l‑aspetti ta' trasparenza, kontabilità u indipendenza relatati mal‑awtorità makro‑prudenzjali. L‑ESRB ippropona li din ir‑rakkomandazzjoni tkun implimentata mill‑iStati Membri tal‑UE sa mhux aktar tard mill‑1 ta' Lulju 2013.

Għal aktar dettalji dwar il-memorandum ta’ ftehim li jistabbilixxi l-Bord Konġunt dwar l-Istabbiltà Finanzjarja, irreferu għas-siti elettroniċi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jew tal-MFSA.

Link għall-memorandum ta' ftehim

Lura lejn l-Arkivju