News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013
25/10/2013
Istituzzjonijiet bankarji jagħtu donazzjoni ta' strumenti mużikali b'valur ta' €50,000 lill-Orkestra
Il‑Fondazzjoni għall‑Assistenza tal‑Iżvilupp Mużikali tat is‑somma ta' €50,000 fi strumenti mużikali lill‑Orkestra Filarmonika ta' Malta (MPO). Bħala espressjoni ta' gratitudni għall‑istrumenti ġodda mogħtija b'donazzjoni mill‑Fondazzjoni, il‑membri tal‑MPO taw preżentazzjoni mużikali fis‑Sala Robert Samut fil‑Furjana.
Imwaqqfa mill‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Bank of Valletta plc, u l‑HSBC Bank Malta plc, il‑Fondazzjoni twaqqfet bl‑għan li jitrawwem it‑talent mużikali f'Malta billi tingħata assistenza finanzjarja lil individwi u entitajiet b'appoġġ għal karrieri mużikali u għall‑akkwist ta' strumenti mużikali.
L‑istrumenti mogħtija b'donazzjoni waqt il‑preżentazzjoni jinkludu three‑manual organ, marimba, five‑string double bass, u digital keyboard. Waqt il‑preżentazzjoni, il‑Fondazzjoni enfasizzat il‑miri u l‑kisbiet tagħha waqt li stiednet ukoll kumpaniji oħra biex jikkontribwixxu għall‑iskop filantropiku b'appoġġ għall‑potenzjal mużikali Malti.
Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta l‑Professur Josef Bonnici qal, "L‑impenn tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, tal‑BOV u l‑HSBC Malta biex jippromwovu apprezzament akbar tax‑xogħlijiet artistiċi u kulturali Maltin, deher b'diversi modi matul is‑snin. It‑tliet istituzzjonijiet huma kburin li jassoċjaw lilhom infushom mal‑Orkestra Filarmonika ta' Malta billi taw donazzjoni ta' strumenti mużikali bil‑għan li jippromwovu apprezzament akbar tal‑mużika fost il‑pubbliku."
Is‑CEO tal‑BOV Charles Borg qal, "L‑arti u l‑kultura qed ikunu rikonoxxuti b'mod ġenerali bħala importanti ħafna għal kwalunkwe edukazzjoni olistika. Jagħtina sodisfazzjon kbir il‑fatt li nistgħu nagħtu spinta lil dan l‑aspett importanti tal‑edukazzjoni b'mod prattiku, biex b'hekk tissaħħaħ il‑kultura tal‑gżejjer tagħna. Li qiegħed hawn preżenti llum nassisti għad‑daqq armonjuż ta' dawn l‑istrumenti hija xi ħaġa li tagħtina sodisfazzjon kbir."
Is‑CEO tal‑HSBC Malta Mark Watkinson qal, "Li tisma' lill‑Orkestra Filarmonika ta' Malta ddoqq hija dejjem esperjenza kulturali li tispirak. Kien ta' sodisfazzjon kbir li tisma' s‑sehem tal‑Fondazzjoni permezz ta' dawn l‑istrumenti ġodda. Ninkoraġġixxu organizzazzjonijiet oħra sabiex isegwu l‑passi tal‑Fondazzjoni biex jipprovdu inċentiv għal aktar żvilupp mużikali f'Malta."
Iċ‑Chairman tal‑Orkestra Filarmonika ta' Malta Sigmund Mifsud irringrazzja 'l‑Fondazzjoni għad‑donazzjoni ġeneruża tagħha. Huwa qal li "permezz ta' din id‑donazzjoni, il‑potenzjal tal‑orkestra ser jissaħħaħ u jgħinna biex inwessgħu r‑repertorju tagħna. Barra minn hekk, bl‑installazzjoni tal‑orgni, is‑Sala Robert Samut issa hija l‑unika sala li toffri l‑possibbiltà li fiha jistgħu jsiru xogħlijiet tal‑orgni li mhumiex sagri."
Lura lejn l-Arkivju