News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

28/10/2013

Ħruġ ta’ munita kommemorattiva taż-€2 - Tmexxija Awtonoma, 1921

Fit-28 ta’ Ottubru 2013, il-Bank Ċentrali ta’ Malta ser joħroġ it-tielet munita minn serje ta’ muniti kommemorattivi taż‑€2 li jfakkru avvenimenti importanti fl-istorja kostituzzjonali ta’ Malta.

It-tema ta’ din il-munita hi ‘Tmexxija awtonoma – 1921’. In-naħa ta’ wara tal-munita turi n-naħa komuni taż-€2, filwaqt li nnaħa ta’ quddiem (in-naħa nazzjonali) turi mappa tal-gżejjer Maltin u rappreżentazzjoni tal-popolazzjoni Maltija ddisinjati mill-artist Malti Ġanni Bonnici.

Malta kienet mogħtija forma ta’ tmexxija awtonoma mill‑gvern Ingliż fl‑1921, wara l‑Ewwel Gwerra Dinjija u t‑tbatija soċjo‑ekonomika li ħalliet warajha. Għalkemm l‑Ingilterra żammet kontroll dirett fuq diversi funzjonijiet amministrattivi ewlenin, il‑kostituzzjoni l‑ġdida tat lil Malta setgħat akbar ta’ tmexxija awtonoma, inkluż Kabinett ta’ Ministri eletti li għall‑ewwel darba sar responsabbli għall‑amministrazzjoni tal‑affarijiet lokali.

Il‑munita kommemorattiva ser toħroġ f’verżjoni għaċ‑ċirkolazzjoni fi stoċċijiet ta’ 25 munita kull wieħed, u ammont limitat ta’ din il‑munita ser joħroġ ukoll f’verżjoni proof. Il‑muniti nħadmu fir‑Royal Dutch Mint.

Il‑Bank ser jikkuntattja ’l dawk il‑persuni li diġà għamlu l‑ordni biex jinfurmahom bl‑allokazzjoni tagħhom, kif ser iħallsu u l‑ġranet meta jkunu jistgħu jiġbru l‑muniti tagħhom mingħand il‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta. Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub li jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat e‑mail jew billi jċempel fuq ( 356) 2550 6006/6007.

Munita kommemorattiva taż-€2 - Tmexxija awtonoma

Lura lejn l-Arkivju