News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013
18/09/2013
Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – it-Tieni Ħarġa tal-2013
Il-Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t-tieni ħarġa tar-Rivista tiegħu ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2013, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul l‑ewwel trimestru tal‑2013 u tikkummenta dwar l‑iżviluppi ġenerali li seħħew fix‑xhur ta' wara.
Rigward l‑orjentament tal‑politika monetarja tal‑Eurosistema, ir‑Rivista tinnota li l‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ħalla r‑rati ewlenin tal‑imgħax l‑istess fl‑ewwel trimestru tal‑2013. F'Mejju, madankollu, ir‑rata fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament (MRO) tnaqqset b'25 punt bażi għal 0.50%, filwaqt li r‑rata fuq il‑faċilità ta' self marġinali tnaqqset b'50 punt bażi għal 1.00%. Ir‑rata fuq il‑faċilità ta' depożitu ma nbidlitx u baqgħet 0.00%. B'riżultat ta' dan, il‑faxxa bejn ir‑rati ewlenin tal‑BĊE djieqet għal 100 punt bażi minn 150 punt bażi. Din id‑deċiżjoni seħħet minħabba li kienu mistennija pressjonijiet baxxi fuq il‑prezzijiet fuq iż‑żmien medju, dgħufija kontinwa fl‑ekonomija taż‑żona tal‑euro u trażżin fid‑dinamika tal‑flus u l‑kreditu. F'Lulju, il‑Kunsill Governattiv adotta metodu ta' gwida li jħares 'il quddiem fejn tidħol il‑politika monetarja, billi ħabbar li r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE huma mistennija li jibqgħu fil‑livell attwali jew inqas għal perjodu estiż.
L‑Eurosistema kompliet ukoll timplimenta miżuri monetarji straordinarji bil‑għan li jsostnu l‑mekkaniżmu tat‑trażmissjoni tal‑politika monetarja.
Ir‑Rivista tinnota li t‑tkabbir fl‑ekonomiji avvanzati ewlenin barra ż‑żona tal‑euro kien ġeneralment dgħajjef matul l‑ewwel trimestru tal‑2013. L‑espansjoni ekonomika f'nazzjonijiet emerġenti battiet ukoll. Il‑pressjonijiet inflazzjonarji matul il‑perjodu baqgħu moderati fil‑biċċa l‑kbira tal‑ekonomiji l‑kbar, filwaqt li l‑prezzijiet tal‑prodotti bażiċi naqsu b'mod ġenerali.
L‑attività ekonomika fiż‑żona tal‑euro baqgħet dgħajfa matul l‑ewwel trimestru tal‑2013, bir‑rata annwali tat‑tkabbir tonqos għal ‑1.1% minn ‑0.9% fit‑trimestru ta' qabel. Dan it‑tnaqqis seħħ kompletament minħabba d‑domanda lokali, hekk kif żdiedet l‑esportazzjoni netta. Il‑produzzjoni wkoll naqset meta mqabbla mat‑trimestru ta' qabel. Madankollu, ir‑rata tat‑tkabbir fuq bażi trimestrali saret waħda pożittiva fit‑tieni trimestru u laħqet 0.3%. Ir‑rata tal‑inflazzjoni annwali bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) kompliet tbatti għal 1.6% f'Ġunju.
Skont it‑tbassir tal‑esperti tal‑Eurosistema ppubblikat f'Ġunju, il‑prodott domestiku gross (PDG) fiż‑żona tal‑euro hu mistenni li jonqos b'0.6% fl‑2013, qabel ma jiżdied b'1.1% fl‑2014. Ir‑rata annwali medja tal‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro hi mbassra li tbatti b'mod sinifikanti, minn 2.5% fl‑2012 għal 1.4% fl‑2013 u 1.3% fl‑2014.
F'Malta, ir‑rata tat‑tkabbir annwali tal‑PDG f'termini reali kienet 1.6% fl‑ewwel trimestru tal‑2013, imqabbla ma' 1.7% fit‑trimestru ta' qabel. It‑tkabbir seħħ minħabba bidliet fl‑inventarji, hekk kif l‑esportazzjoni netta, il‑konsum privat u tal‑gvern, u l‑formazzjoni ta' kapital fiss gross naqsu mis‑sena ta' qabel.
Ir‑Rivista tinkludi Suppliment dwar żviluppi fil‑PDG fit‑tieni trimestru tas‑sena, ibbażat fuq statistika li saret disponibbli wara li r‑Rivista kienet tlestiet. Din l‑istatistika turi li l‑ekonomija espandiet b'rata annwali ta' 1.7% fit‑tieni trimestru, wara li kibret b'rata riveduta ta' 1.8% fl‑ewwel trimestru.
Il‑pressjonijiet fuq il‑prezzijiet f'Malta battew matul il‑perjodu kopert. L‑inflazzjoni annwali bbażata fuq l‑HICP naqset għal 1.4% f'Marzu minn 2.8% f'Diċembru. Dan primarjament irrifletta żidiet aktar dgħajfa fil‑prezzijiet tas‑servizzi u tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija. Sadattant, il‑pressjonijiet fuq il‑prezzijiet mill‑enerġija u l‑ikel naqsu wkoll. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑HICP immoderat aktar matul it‑tieni trimestru tal‑2013 u naqset għal 0.6% f'Ġunju.
L‑impjiegi komplew jiżdiedu matul l‑ewwel trimestru tal‑2013, għalkemm b'rata inqas mgħaġġla meta mqabbla mat‑trimestru ta' qabel. Il‑Labour Force Survey juri żieda annwali ta' 1.7% fl‑impjiegi, wara żieda ta' 3.3% fit‑trimestru ta' qabel. Ir‑rata tal‑qgħad ma nbidlitx meta mqabbla ma' sena qabel u baqgħet 6.1%.
L‑indikaturi tal‑ewwel trimestru rigward il‑kompetittività komplew juru riżultati mħalltin. Kemm l‑indikatur armonizzat tal‑kompetittività f'termini nominali, kif ukoll dak reali, komplew jiżdiedu minħabba żieda fil‑valur tal‑euro. It‑tkabbir fl‑ispiża ta' kull unità ta' xogħol, imkejla bħala moving average fuq erba' trimestri, battiet għal 3.1% fit‑trimestru ta' Marzu minn 3.5% fl‑aħħar trimestru tal‑2012.
Matul it‑trimestru kopert, id‑defiċit fuq il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti żdied meta mqabbel mal‑istess perjodu sena qabel. Dan kien riżultat ta' żieda fil‑ħruġ nett fil‑kont tal‑kummerċ tal‑merkanzija, u tnaqqis fid‑dħul nett fuq il‑kont tas‑servizzi. Madankollu, f'termini ta' moving sum fuq erba' trimestri, il‑bilanċ fuq il‑kont kurrenti baqa' pożittiv fil‑livell ta' 0.7% tal‑PDG fis‑sena sa Marzu 2013, meta mqabbel ma' bilanċ pożittiv ta' 1.2% sena qabel.
Is‑sehem tal‑istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li huma residenti f'Malta għall‑aggregat monetarju sħiħ taż‑żona tal‑euro ħadet spinta, bir‑rata tat‑tkabbir annwali tiżdied minn 8.7% f'Diċembru għal 9.0% f'Marzu. Id‑depożiti miżmuma minn residenti Maltin, kif ukoll il‑kreditu mogħti lihom, żdiedu b'rata annwali aktar mgħaġġla mit‑trimestru ta' qabel, għalkemm is‑self lis‑settur privat naqas sussegwentement.
Fir‑rigward tas‑swieq finanzjarji domestiċi, ir‑redditi fuq il‑bills tat‑Teżor b'perjodu ta' maturità ta' tliet xhur naqsu, kemm fis‑suq primarju kif ukoll f'dak sekondarju. Ir‑redditi fuq bonds tal‑gvern b'perjodu ta' maturità ta' ħames u għaxar snin naqsu wkoll. Ix‑xejra 'l isfel fir‑redditi ppersistiet matul il‑biċċa l‑kbira tat‑tieni trimestru. Sadattant, fl‑ewwel nofs tal‑2013, l‑indiċi tal‑ishma fuq il‑Borża ta' Malta kompla jiżdied.
Fuq l‑aspett fiskali, ir‑Rivista tosserva li fl‑ewwel tliet xhur tas‑sena, id‑defiċit tal‑gvern ġenerali kiber fuq bażi sena fuq sena, hekk kif l‑infiq żdied aktar mid‑dħul. Meta mkejjel fuq perjodu ta' tnax‑il xahar, id‑defiċit kien ta' 3.6% tal‑PDG fl‑aħħar ta' Marzu, imqabbel ma' 3.3% fl‑2012. Id‑dejn tal‑gvern ġenerali żdied ukoll, minn 71.6% f'Diċembru għal 75.4% f'Marzu. Madankollu, matul l‑ewwel seba' xhur tas‑sena kien hemm titjib fil‑bilanċ tal‑Fond Konsolidat, bid‑defiċit jonqos b'€74.3 miljun fuq l‑istess perjodu tal‑2012.
Fir‑rigward tal‑istabbiltà finanzjarja, il‑core domestic banks f'Malta baqgħu b'saħħithom, irreġistraw qligħ qawwi u wrew livelli tajbin ta' likwidità u kapital. Madankollu, huma mħeġġa li jkomplu jkabbru d‑dispożizzjonijiet tagħhom fid‑dawl tal‑vulnerabbiltajiet li joriġinaw minn ċerti setturi tal‑ekonomija. Barra minn hekk, il‑core domestic banks huma mħeġġa biex isaħħu r‑riżervi ta' fondi proprji tagħhom qabel l‑iskadenza biex jissodisfaw ir‑rekwiżiti regolatorji internazzjonali.
Minn perspettiva ta' politika ekonomika, ir‑Rivista tisħaq fuq l‑importanza li jiġu implimentati miżuri li jnaqqsu d‑defiċit tal‑gvern ġenerali għal inqas mil‑livell rekwiżit ta' 3% fl‑2013. Wara dan, għandu jsir progress lejn l‑għan fuq żmien medju ta' baġit bilanċjat u li jitnaqqas il‑proporzjon tad‑dejn tal‑gvern b'mod sostenibbli.
Sabiex tiġi mħarsa l‑kompetittività esterna ta' Malta, ir‑Rivista taċċenna dwar l‑importanza tal‑implimentazzjoni tar‑riformi indikati fl‑aħħar Programm ta' Riforma Nazzjonali. Żidiet moderati fil‑pagi, titjib fil‑produttività, kif ukoll arranġamenti flessibbli ta' xogħol u inċentivi li jħeġġu l‑parteċipazzjoni fis‑suq tax‑xogħol huma kruċjali f'dan ir‑rigward. Id‑diversifikazzjoni ppjanata tas‑sorsi tal‑enerġija għandha tiġi segwita wkoll.
Ir‑Rivista tinkludi sezzjoni fuq l‑Istħarriġ dwar Finanzi u Konsum tal‑Individwi f'Malta, u sezzjoni oħra fuq it‑Trattat tal‑UE dwar l‑Istabbiltà, il‑Koordinazzjoni u l‑Governanza. Żewġ sezzjonijiet oħra jiffokaw fuq il‑persistenza tal‑inflazzjoni f'Malta u l‑kompetittività tal‑prezzijiet fis‑settur tat‑turiżmu, rispettivament.
It-tieni ħarġa tar-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur għall-2013 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta www.centralbankmalta.org.
Lura lejn l-Arkivju