News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

20/12/2013

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – it-Tielet Ħarġa tal-2013

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t‑tielet ħarġa tar‑Rivista tiegħu ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2013, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul it‑tieni trimestru tal‑2013, u taċċenna fuq aktar żviluppi fix‑xhur ta' wara.

Ir‑Rivista tinkludi artiklu dwar id‑differenzi fl‑inflazzjoni bejn Malta u ż‑żona tal‑euro. Ir-Rivista tinkludi wkoll silta li tqabbel ix‑xejriet tal‑ġid, tal‑finanzjament u l‑konsum tal‑individwi Maltin ma' dawk taż‑żona tal‑euro. Silta oħra tirrapporta dwar analiżi tas‑sensittività tal‑individwi għall‑iskossi fil‑prezzijiet tad‑djar u fir‑rata tal‑imgħax. Ir‑relazzjoni bejn l‑attività ekonomika reali u s‑suq tax‑xogħol f'Malta hi indirizzata f'silta oħra. Ir‑Rivista tinkludi wkoll id‑diskors riċenti li għamel il‑Gvernatur matul l‑Ikla Annwali tal‑Institute of Financial Services - Malta

Ir‑Rivista tibda l‑analiżi tagħha billi tirrapporta fuq id‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja meħuda mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). F'Mejju, il‑Kunsill naqqas ir‑rata tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament (MRO) tal‑Eurosistema b'25 punt bażi għal 0.50%, filwaqt li r‑rata fuq il‑faċilità ta' self marġinali tnaqqset b'50 punt bażi għal 1.00%. Ir‑rata fuq il‑faċilità ta' depożitu ma nbidlitx u baqgħet 0.00%. F'Novembru, il‑Kunsill naqqas ir‑rata tal‑imgħax fuq l‑MRO b'25 punt bażi oħra għall‑iżjed livell storikament baxx ta' 0.25%. Sadattant, ir‑rata tal‑imgħax fuq il‑faċilità ta' self marġinali tnaqqset b'25 punt bażi għal 0.75%, filwaqt li dik fuq il‑faċilità ta' depożitu ma nbidlitx u baqgħet 0.00%. Dawn id‑deċiżjonijiet ittieħdu minħabba li kienu mistennija pressjonijiet baxxi fuq il‑prezzijiet fuq iż‑żmien medju, dgħufija kontinwa fl‑ekonomija taż‑żona tal‑euro u trażżin fid‑dinamika tal‑flus u l‑kreditu. 

L‑Eurosistema kompliet timplimenta miżuri monetarji straordinarji bil‑għan li jsostnu l‑mekkaniżmu tat‑trasmissjoni għall‑politika monetarja. Notevolment, f'Lulju l‑Eurosistema introduċiet indikazzjonijiet għall-ġejjieni, bil‑Kunsill Governattiv iħabbar li r‑rati ewlenin tal‑imgħax huma mistennija li jibqgħu fil‑livell attwali jew inqas għal perjodu estiż. 

Ir‑Rivista tinnota li żviluppi fl‑ekonomiji ewlenin tad‑dinja kienu mħallta fit‑tieni trimestru tal‑2013. Ir‑ritmu tal‑attività fl‑ekonomiji avvanzati rranka 'l fuq, filwaqt li naqas it‑tkabbir fl‑ekonomiji emerġenti ewlenin. Il‑pressjonijiet inflazzjonarji baqgħu moderati fil‑biċċa l‑kbira tal‑ekonomiji l‑kbar. 

Matul it‑tieni trimestru tal‑2013, l‑attività ekonomika fiż‑żona tal‑euro rkuprat, bit‑tkabbir fil‑prodott domestiku gross (PDG) isir wieħed pożittiv wara sitt trimestri ta' tnaqqis. Il‑PDG f'termini reali żdied b'0.3% fuq it‑trimestru preċedenti, u kemm id-domanda domestika kif ukoll l-esportazzjoni netta taw kontribut posittiv lit-tkabbir. Huwa stmat li l‑ekonomija fiż‑żona tal‑euro kibret b'0.1% fit‑tielet trimestru. 

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) fiż‑żona tal‑euro kompliet tbatti għal 0.7% f'Ottubru, minħabba tnaqqis ġenerali fil‑pressjonijiet fuq il‑prezzijiet. 

It‑tbassir makroekonomiku tal‑istaff tal‑BĊE għaż‑żona tal‑euro, ippubblikat f'Settembru, juri li l‑PDG hu mistenni li jonqos b'0.4% fl‑2013, qabel ma jikber b'1.0% fl‑2014. Ir‑rata annwali medja tal‑inflazzjoni hi mistennija li tonqos minn 2.5% fl‑2012 għal 1.5% fl‑2013 u għal 1.3% fl‑2014. 

Fir‑rigward tal‑ekonomija Maltija, ir‑Rivista tosserva li l‑produzzjoni kompliet tikber fit‑tieni trimestru, bir‑rata tat-tkabbir annwali tal‑PDG f'termini reali taċċellera għal 3.6% minn 1.8% fit‑trimestru preċedenti. Dan irrifletta żieda fl‑esportazzjoni netta, hekk kif l‑importazzjoni naqset aktar mill‑esportazzjoni, filwaqt li d-domanda domestika naqset. Dan it-tnaqqis fid-domanda domestika rrifletta tnaqqis fil‑konsum privat, fl‑investiment u fl‑inventarji.

Ir‑Rivista tinkludi wkoll suppliment dwar żviluppi fil‑PDG fit‑tielet trimestru tal‑2013, ibbażati fuq statistika li ħarġet wara li tlestiet ir‑Rivista. L‑attività ekonomika battiet, bir‑rata tat‑tkabbir annwali tal‑PDG timmodera għal 1.9% wara li kibret b'rata riveduta ta' 3.3% fit‑trimestru preċedenti. 

Ir‑rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l‑HICP naqset għal 0.6% f'Ġunju minn 1.4% f'Marzu. Dan primarjament seħħ minħabba ċaqliq fil‑prezzijiet tas-servizzi, tal‑enerġija u tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija, fejn ir‑rata tal‑inflazzjoni saret waħda negattiva. L‑inflazzjoni annwali bbażata fuq l‑HICP ma nbidlitx u baqgħet 0.6% f'Settembru. 

L‑impjiegi komplew jiżdiedu matul it‑tieni trimestru tal‑2013, bil‑Labour Force Survey juri żieda annwali ta' 3.0%, wara żieda ta' 1.7% fit‑trimestru preċedenti. Madankollu, ir‑rata tal‑qgħad żdiedet għal 6.7%, imqabbla ma' 6.5% sena qabel, minħabba żieda aktar qawwija fil‑provvista tal-ħaddiema. 

Matul it‑tieni trimestru tal‑2013, kemm l‑indikatur armonizzat tal‑kompetittività f'termini nominali, kif ukoll f'termini reali, żdiedu fuq sena qabel, bi 3.1% u b'1.6%, rispettivament. Dan iċ‑ċaqliq irrifletta żieda fil‑valur tal‑euro kontra d‑dollaru Amerikan u l‑lira sterlina, li kienu parzjalment megħluba minn tnaqqis fid‑differenzi fl‑inflazzjoni meta mqabbla ma' sħab kummerċjali. Ir‑rata ta' bidla annwali tal‑indikatur armonizzat tal‑kompetittività f'termini nominali laħqet 3.5% f'Settembru, filwaqt li r‑rata f'termini reali kienet 2.6%. Bejn April u Ġunju, l‑indiċi tal‑ispiża għal kull unità tax-xogħol Malti, imkejjel bħala moving average fuq erba' trimestri, kien 3.2% ogħla f'termini annwali, wara żieda ta' 3.0% fl‑ewwel tliet xhur tas‑sena. 

Fis‑settur barrani, matul it‑tieni trimestru tal‑2013, il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti rreġistra bilanċ favorevoli ikbar meta mqabbel mal‑istess perjodu tal‑2012. Dan irriżulta minn żbilanċ iżgħar fil‑kont tal‑kummerċ tal‑merkanzija u żieda fid‑dħul nett fuq il-kont tas‑servizzi, li flimkien għelbu ħruġ nett iktar għoli fil‑kont tal‑introjtu u dħul nett aktar baxx fuq trasferimenti kurrenti. Il‑bilanċ tal‑kont kurrenti, imkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, kien ta' 2.0% tal‑PDG fis‑sena sa Ġunju 2013, tnaqqis ta' nofs punt perċentwali fuq l-istess perjodu tal‑2012. 

Fir‑rigward tas‑settur finanzjarju, ir‑Rivista tinnota li l‑assi totali tal‑core domestic banks f'Malta baqgħu stabbli b'mod ġenerali matul it‑tieni u t‑tielet trimestru tal‑2013, bid‑depożiti jibqgħu s‑sors ewlieni tagħhom ta' finanzjament. Id‑depożiti miżmuma minn residenti Maltin aċċelleraw matul it‑tieni u t‑tielet trimestru, filwaqt li l‑kreditu mogħti lilhom batta b'mod konsiderevoli minħabba tnaqqis fis‑self lis‑settur korporattiv. 

Fis‑swieq finanzjarji domestiċi, fit‑tieni trimestru, kien hemm tnaqqis fir‑redditi fuq il‑bills tat‑Teżor b'perjodu ta' maturità ta' tliet xhur, kemm fis‑suq primarju kif ukoll f'dak sekondarju. Naqsu wkoll ir‑redditi fuq bonds tal‑gvern b'perjodu ta' maturità ta' ħames u għaxar snin. Ix‑xejra 'l isfel fir‑redditi ppersistiet fit‑tielet trimestru. Matul it‑tieni trimestru, l‑indiċi tal‑ishma tal‑Borża ta' Malta żdied għall‑ħames trimestru konsekuttiv, bi 2.9% mil‑livell li kien sal‑aħħar ta' Marzu. Matul it‑trimestru ta' wara, l‑indiċi żdied marġinalment.

 Fl‑analiżi tas‑sitwazzjoni fiskali, ir‑Rivista tosserva li fit‑tieni trimestru tal‑2013, id‑defiċit tal‑gvern ġenerali kiber bi ftit fuq is‑sena ta' qabel, hekk kif l‑infiq żdied aktar mid‑dħul. Imkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, id‑defiċit kien 3.7% tal‑PDG fl‑aħħar ta' Ġunju, 0.1 punt perċentwali inqas mil‑livell li kien fl‑aħħar ta' Marzu. Id‑dejn tal‑gvern ġenerali żdied għal 75.8% tal‑PDG f'Ġunju, minn 75.0% tliet xhur qabel. Madankollu, id‑defiċit fuq il‑Fond Konsolidat naqas fl‑ewwel disa' xhur tal‑2013, hekk kif id‑dħul żdied b'pass aktar mgħaġġel mill‑infiq. 

Ir‑Rivista tippreżenta wkoll it‑tbassir ekonomiku l‑aktar riċenti tal‑Bank li tlesta f'Novembru 2013. It‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali hu mistenni li jaċċellera għal 1.8% fl‑2013 u għal 2.0% fl‑2014. Fl‑2013, it‑tkabbir ekonomiku hu mistenni li jkun immexxi mill‑esportazzjoni netta. Hu mistenni li d‑domanda domestika ġġib espansjoni fl‑2014, hekk kif il‑konsum privat jaċċellera u l‑investiment jibda jirkupra. L‑inflazzjoni HICP hi mistennija taqa' għal 1.0% fl‑2013, u mbagħad mistennija togħla għal 1.4% fl‑2014, riżultat ta' tkabbir aktar mgħaġġel fil‑prezzijiet tas‑servizzi u żieda fit‑taxxi indiretti. Inċertezzi dwar it-tbassir tat-tkabbir ekonomiku għandhom xejra negattiva għall-2013, iżda huma bbilanċjati b'mod ġenerali għall-2014. Ir‑riskji għall‑prospetti tal‑inflazzjoni huma kemxejn baxxi għall‑2014. 

Minn perspettiva ta' politika ekonomika, il‑Bank ikompli jenfasizza li l‑Gvern għandu jassigura li jilħaq il‑miri tal-baġit tiegħu u b'hekk jirregola d‑defiċit eċċessiv mill-aktar fis possibbli. Tisħiħ fil-konsolidament fiskali jgħin sabiex jinkiseb l‑għan fuq żmien medju ta' baġit bilanċjat, u jintlaħaq tnaqqis sostenibbli fil‑proporzjon tad‑dejn. 

Fir‑rigward tas‑sistema finanzjarja, il‑Bank jinnota li l‑banek f'Malta baqgħu b'saħħithom, u rrapportaw livelli suffiċjenti ta' kapitalizzazzjoni, likwidità u profitabilità. B'hekk huma f'pożizzjoni tajba biex jsostnu l‑attività ekonomika permezz tal‑provvediment ta' kreditu. Il‑marġini bejn ir‑rati tal-imgħax tal-banek għas‑self u fuq id‑depożiti huma għoljin meta mqabbla ma' dawk f'pajjiżi l-aktar b'saħħithom fiż‑żona tal‑euro, u dan jimplika li r‑rati tal-banek għas‑self jistgħu jitnaqqsu. Dan jiffaċilita l‑aċċess għal finanzjament għal kumpaniji Maltin u b'hekk jissaħħu l‑investiment, il‑kompetittività u t‑tkabbir. Dan jiżgura wkoll li l‑ekonomija lokali tibbenefika wkoll mill‑politika monetarja akkomodattiva tal‑Eurosistema. 

It‑tielet ħarġa tar‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur għall‑2013 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta www.centralbankmalta.org.

Lura lejn l-Arkivju