News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

18/06/2013

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – l-Ewwel Ħarġa tal-2013

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta għadu kemm ippubblika l-ewwel ħarġa tar-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur għas-sena 2013, li tanalizza l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji­ f’Malta u barra minn Malta matul l-aħħar trimestru tal-2012, filwaqt li taċċenna dwar aktar żviluppi li seħħew fix-xhur ta’ wara.

Ir-Rivista tinkludi artiklu dwar il-mudell ekonometriku tal-ekonomija Maltija li ġie żviluppat mill-Bank. Ir-Rivista fiha wkoll numru ta’ siltiet speċifiċi, inkluża silta dwar l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol f’Malta, u silta oħra dwar l-impa­tt ekonomiku tar-riformi strutturali.

Ir-Rivista tirrapporta d-deċiżjonijiet riċenti tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro u tosserva li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ma bidilx ir-rati ewlenin tal-imgħax matul l-aħħar trimestru tal-2012 u l-ewwel erba’ xhur tas-sena ta’ wara. F’Mejju 2013, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament (MRO) tnaqqset b’25 punt bażi għal 0.50%, filwaqt li r-rata fuq il-faċilità ta’ self marġinali tnaqqset b’50 punt bażi għal 1.00%. Dan it-tnaqqis seħħ minħabba li kienu mistennija inqas pressjonijiet fuq il-prezzijiet f’ambjent ta’ riċessjoni kontinwa, sentiment ekonomiku dgħajjef u tkabbir imrażżan fil-flus u l-kreditu fiż-żona tal-euro.

Hekk kif it-trażmissjoni tal-politika monetarja baqgħet dgħajfa, l-Eurosistema kompliet timplimenta miżuri straordinarji tal-politika monetarja matul il-perjodu kopert.

Ir-Rivista tinnota li l-attività ekonomika fil-pajjiżi industrijali ewlenin battiet matul t-trimestru ta’ Diċembru. Minkejja li t-tkabbir annwali fil-prodott domestiku gross (PDG) fl-Istati Uniti kien pożittiv, dan naqas b’mod sinifikanti meta mqabbel mat-trimestri ta’ qabel. Fl-istess żmien, il-Ġappun u r-Renju Unit komplew jirreġistraw tkabbir minimu viċin iż-żero. Min-naħa l-oħra, fl-ekonomiji emerġenti tal-Asja, l-attività rkuprat mit-tnaqqis ta’ qabel, bit-tkabbir annwali jaċċellera fiċ-Ċina u l-Indja.

Fiż-żona tal-euro, il-PDG reali naqas b’0.9% meta mqabbel ma’ sena qabel. It-tnaqqis seħħ kollu kemm hu minħabba d-domanda domestika, li patta għall-kontribut pożittiv tal-esportazzjoni netta. Sadattant, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) battiet minn 2.6% f’Settembru għal 2.2% f’Diċembru, l-iżjed minħabba żviluppi fil-prezzijiet tal-enerġija. Ir-rata tal-inflazzjoni kompliet timmodera matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena u niżlet għal 1.2% f’April.

Skont it-tbassir li sar mill-istaff tal-BĊE f’Marzu 2013, it-tkabbir annwali fil-PDG reali fiż-żona tal-euro hu mistenni jkun ta’ bejn -0.9% u -0.1% fl-2013, u bejn 0.0% u 2.0% fl-2014. Ir-rata medja tal-inflazzjoni fiż-żona tal-euro hi mistennija li tkun ta’ bejn 1.2% u 2.0% fl-2013, u bejn 0.6% u 2.0% fl-2014.

Dwar l‑iżviluppi fl‑ekonomija Maltija, ir‑Rivista tinnota li l‑ekonomija Maltija kompliet tikber fl‑aħħar trimestru tal‑2012, iżda b'pass inqas mgħaġġel mit‑trimestru ta' qabel. L‑esportazzjoni netta kienet il‑fattur wara dan it‑tkabbir hekk kif naqset id‑domanda domestika minħabba tnaqqis fl‑investimenti u inventarji.

Ir‑Rivista tinkludi wkoll inserzjoni dwar żviluppi fil‑PDG fl‑ewwel trimestru tal‑2013, hekk kif din l‑informazzjoni saret disponibbli wara li r‑Rivista kienet tlestiet. Din l‑istatistika ġdida turi li l‑ekonomija kibret b'1.6% fl‑ewwel tliet xhur tal‑2013, wara żieda ta' 1.7% fit‑trimestru ta' qabel.

Ħarsa mill‑ġdid lejn l‑istħarriġ ekonomiku inkluż fir‑Rivista turi li r‑rata annwali tal‑inflazzjoni HICP immoderat aktar matul l‑aħħar trimestru tal‑2012, u battiet għal 2.8% f'Diċembru minn 2.9% tliet xhur qabel. Dan it‑tnaqqis seħħ minħabba żviluppi fis‑servizzi u fil‑prezzijiet tal‑enerġija. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni HICP immoderat aktar matul l‑ewwel trimestru tal‑2013 u naqset għal 1.4% f'Marzu.

L‑impjiegi komplew jiżdiedu tul l‑aħħar trimestru tal‑2012, bil‑Labour Force Survey juri żieda annwali ta' 3.4%. L‑istħarriġ juri wkoll li r‑rata tal‑qgħad niżlet għal 6.5% minn 6.6% is‑sena ta' qabel.

L‑indikaturi tal‑kompetittività għar‑raba' trimestru kienu mħalltin. Kemm l‑indikatur armonizzat tal‑kompetittività f'termini nominali, kif ukoll dak reali, żdiedu bejn Settembru u Diċembru, u dan seħħ minħabba żieda fil‑valur tal‑euro kontra muniti ewlenin oħra. Min‑naħa l‑oħra, it‑tkabbir fl‑ispejjeż għal kull unità tax‑xogħol immodera.

Fis‑settur barrani, il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti wera bilanċ favorevoli iżgħar meta mqabbel mal‑istess perjodu tal‑2011. Dan seħħ prinċipalment minħabba flussi esterni ogħla fuq il‑kont tad‑dħul, u żbilanċ ikbar fil‑kont tal‑kummerċ tal‑merkanzija. Il‑bilanċ tal‑kont kurrenti, f'termini ta' somma mobbli fuq erba' trimestri, kien ta' 0.4% tal‑PDG meta mqabbel ma' 0.5% fit‑trimestru ta' qabel.

Il‑kontribut tal‑istituzzjonijiet finanzjarji monetarji Maltin għall‑aggregat monetarju sħiħ taż‑żona tal‑euro aċċellera aktar, bir‑rata tat‑tkabbir annwali tiżdied minn 6.3% f'Settembru għal 8.7% f'Diċembru. Id‑depożiti miżmuma minn residenti Maltin żdiedu b'pass aktar mgħaġġel meta mqabbla mat‑trimestru ta' qabel, filwaqt li naqas il‑kreditu mogħti lis‑settur privat.

Fir‑rigward tas‑swieq finanzjarji domestiċi, ir‑Rivista tosserva li naqsu r‑redditi fuq il‑bills tat‑Teżor, kemm fis‑suq primarju u f'dak sekondarju. Kien hemm ukoll tnaqqis fir‑redditi fuq it‑titoli tal‑gvern ta' Malta b'perjodu ta' maturità ta' għaxar snin. Aktar tnaqqis fir‑redditi kien irreġistrat fl‑ewwel trimestru tal‑2013. Fl‑aħħar trimestru tal‑2012 u fl‑ewwel tliet xhur tal‑2013, l‑indiċi tal‑ishma fuq il‑Borża ta' Malta kompla jiżdied, u baqa' b'din l‑istess xejra li bdiet matul it‑tieni trimestru tal‑2012.

Fl‑analiżi tas‑sitwazzjoni fiskali, ir‑Rivista tinnota li d‑defiċit tal‑gvern ġenerali żdied għal 3.3% tal‑PDG fl‑2012, meta mqabbel ma' 2.8% fl‑2011, hekk kif l‑infiq kien aktar mid‑dħul. Id‑dejn tal‑gvern ġenerali żdied minn 70.3% tal‑PDG fl‑2011 għal 72.1% fl‑2012.

Ir‑Rivista tippreżenta wkoll it‑tbassir ekonomiku l‑aktar riċenti tal‑Bank, li kien komplut f'Mejju 2013. It‑tkabbir fil‑PDG reali hu mistenni li jaċċellera minn 0.8% fl‑2012 għal 1.4% fl‑2013, u għal 1.9% fl‑2014. It‑tkabbir ekonomiku hu mistenni li jseħħ minħabba d‑domanda domestika, partikolarment il‑konsum privat. Ir‑rata medja tal‑inflazzjoni HICP hi mistennija li timmodera għal 1.4% fl‑2013 u tibqa' f'dan il‑livell fl‑2014. Ir‑riskji fit‑tbassir tat‑tkabbir ekonomiku, kif ukoll fil‑prospetti tal‑inflazzjoni, jidhru li huma bilanċjati b'mod ġenerali.

Minn perspettiva ta' politika, il‑Bank jisħaq fuq l‑importanza tal‑implimentazzjoni ta'  miżuri li jerġgħu jniżżlu d‑defiċit tal‑gvern ġenerali għal anqas mil‑livell ta' 3% din is‑sena. Il‑konsolidament fiskali għandu jkompli anki wara li jittieħdu l‑miżuri, sabiex jintlaħaq l‑għan fuq żmien medju ta' baġit bilanċjat u tnaqqis sostnut fil‑proporzjon tad‑dejn, filwaqt li l‑qafas fiskali domestiku għandu bżonn jissaħħaħ. Il‑Bank jinnota wkoll li biex t‑tkabbir ekonomiku f'Malta ikun sostenibbli, hemm bżonn li tiġi mħarsa l‑kompetittività esterna permezz ta' moderazzjoni fiż‑żidiet tal‑pagi u fit‑titjib fil‑produttività.

Fir‑rigward tal‑istabbiltà finanzjarja, il‑banek f'Malta baqgħu profittabbli, likwidi u kkapitalizzati sew ─ il‑core domestic banks għandhom bażi tad‑depożiti b'saħħitha u dipendenza baxxa fuq sorsi tal‑fondi tal‑bejgħ bl‑ingrossa. Fir‑rigward ta' riskju ta' kreditu, dawn il‑banek huma esposti għal diversi setturi li komplew bi prestazzjoni inqas tajba. Fid‑dawl ta' dan, u f'konformità mar‑rekwiżiti regolatorji ġodda li ser jidħlu fis‑seħħ, ikun xieraq li l‑banek ikomplu jżidu d‑dispożizzjonijiet tagħhom, u jkomplu jsaħħu r‑riservi ta' fondi proprji tagħhom.

L-ewwel ħarġa tar-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur għall-2013 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta www.centralbankmalta.org.

Lura lejn l-Arkivju