News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

02/04/2013

Is-Sensiela Europa – it-tieni sensiela tal-karti tal-flus tal-euro

Sensiela ġdida tal‑karti tal‑flus tal‑euro se tiġi mnedija fit‑2 ta' Mejju 2013, permezz taċ‑ċirkolazzjoni tal‑karta tal‑€5 li tinkorpora karatteristiċi ta' sigurtà ġodda li jirriflettu l‑progress li sar fis‑sigurtà u fit‑teknoloġija tal‑produzzjoni tal‑karta tal‑flus. Din is‑sensiela ġġib l‑isem ta' "Europa" u turi l‑wiċċ tal‑figura mitoloġika Griega Europa. Dan il‑wiċċ intgħażel minħabba li għandu rabta ċara mal‑kontinent tal‑Ewropa u wkoll jagħti laqta umana lill‑karti tal‑flus.

Id‑dħul ta' din is‑sensiela l‑ġdida huwa parti mill‑iżvilupp kontinwu sabiex il‑karti tal‑flus tal‑euro jsiru aktar siguri. Il‑Bank Ċentrali Ewropew u l‑banek ċentrali nazzjonali jagħmlu kull sforz sabiex iħarsu l‑integrità tal‑karti tal‑flus tal‑euro billi jaġġornaw u jtejbu l‑karatteristiċi ta' sigurtà tagħhom regolarment.

Is‑sensiela Europa għandha l‑istess disinn "żminijiet u stili" u l‑istess kuluri dominanti bħal tal‑ewwel sensiela. Il‑karti tal‑flus il‑ġodda se jidħlu b'mod gradwali fis‑snin li ġejjin u jibdew mill‑iżgħar denominazzjoni, bl‑ewwel waħda tkun il‑karta l‑ġdida ta' €5 li se tkun imnedija fit‑2 ta' Mejju 2013. Id‑denominazzjonijiet jibqgħu l‑istess: €5, €10, €20, €50, €100, €200 u €500.

Il‑karta l‑ġdida tal‑€5 tinkludi xi karatteristiċi ġodda ta' sigurtà. Kemm il‑watermark u kemm l‑ologramma juru l‑wiċċ ta' Europa. In‑"numru żmerald" ileqq jibdel il‑kulur minn aħdar żmerald għal blu skur u juri effett tad‑dawl li jidher miexi 'l fuq u 'l isfel. Sensiela ta' linji qosra mqabbżin fit‑truf tax‑xellug u tal‑lemin tal‑karta tal‑flus jagħmluha eħfef biex wieħed jagħraf il‑karta tal‑flus, speċjalment għal persuni neqsin mid‑dawl. Huwa faċli biex wieħed jiċċekkjahom bil‑metodu "ĦOSS, ĦARES, MEJJEL".

L‑ewwel sensiela se tkompli tiċċirkola flimkien mal‑karti tal‑flus il‑ġodda, imma se tiġi rtirata miċ‑ċirkolazzjoni b'mod gradwali. Il‑karti tal‑flus tal‑euro tal‑ewwel sensiela se jibqgħu valuta legali.

Skont id‑dispożizzjonijiet tal‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta (Kap. 204), il‑Bank, bħala l‑awtorità kompetenti għaċ‑ċirkolazzjoni tal‑karti tal‑flus tal‑euro, kellu diversi laqgħat mas‑setturi bankarji, tan‑negozju u tal‑bejgħ biex jinfurmahom dwar il‑karatteristiċi ta' sigurtà tal‑karta tal‑flus il‑ġdida. Il‑Bank ħa l‑miżuri kollha possibbli sabiex jagħti opportunità lil min jimmaniġġa l‑flus li jitgħallem dwar il‑karti tal‑flus il‑ġodda fi żmien adegwat u sabiex jiżgura li t‑tnedija tas‑sensiela Europa timxi bla xkiel. Il‑Bank ġibed l‑attenzjoni wkoll rigward diversi magni tal‑flus li qegħdin jintużaw bħalissa. F'dan ir‑rigward, il‑Bank jixtieq jenfasizza l‑importanza li l‑magni tal‑flus ikunu kalibrati b'mod li jkunu jistgħu jimmaniġġjaw il‑karta tal‑flus tal‑€5 l‑ġdida minn qabel id‑data tat‑tnedija tat‑2 ta' Mejju 2013.

Aktar informazzjoni tista' tinkiseb mis‑sit elettroniku www.wiccgdidtaleuro.eu. Dan is‑sit jinkludi "L‑Akkademja tal‑Euro" li, permezz ta' logħob, tgħin biex wieħed jiskopri l‑€5 l‑ġdida u anke l‑karti tal‑flus l‑oħrajn tal‑euro. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta waqqaf ukoll helpline fuq in‑numru 2550 6018 sabiex jassisti l‑pubbliku ġenerali. Aktar informazzjoni tista' tinkiseb mis‑sit tal‑Bank www.centralbankmalta.org.

Lura lejn l-Arkivju